L-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann ħabbar il-mewt tad-79 Gran Mastru, Matthew Festing.
Festing miet f’Malta wara li l-ġimgħa l-oħra, waqt ċerimonja tal-Kavallier Francis Vassallo fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, il-Belt, huwa ħassu ma jiflaħx.
Festing kien Gran Mastru tal-Ordni Sovran ta’ Malta mill-2008 iżda lejn l-aħħar tas-sena 2016 feġġet kontroversja u fil-bidu tal-2017 kien kostrett jirriżenja wara tilwima mal-Vatikan u l-Papa.
Dan fuq kwistjoni li l-Ordni qassam kontraċettivi u mediċini meqjusa abortivi f’pajjiżi fqar.
Dan il-każ kien qajjem kriżi fl-Ordni minħabba li dan jirrispondi dirett lejn il-Papa u f’għajnejn uħud twettaq att li jmur kontra d-duttrina tal-Knisja Kattolika.
Festing huwa Ingliż, studja l-istorja u fl-aħħar tax-xahar kellu jagħlaq 72 sena.
Tul it-tmexxija tiegħu tal-Ordni huwa vjaġġa lejn il-ħames kontinenti biex saħħaħ ir-relazzjonijiet diplomatiċi tal-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann.
B’rabta mal-mewt tiegħu, il-Logutenent tal-Gran Mastru Fra’ Marco Luzzago talab għal ruħ Festing.
Hekk kif ġiet imħabbra l-mewt ta’ Festing, b’kitba fuq twitter il-President ta’ Malta George Vella fakkar fiż-żjara uffiċjali li l-Gran Mastru kien għamel f’Malta lura fl-2016 li fiha qal li kellu l-privileġġ li jakkumpanjah.
Just been informed about the sad loss of Fra Festing, Grandmaster Emeritus of the Sovereign Military Order of St John. I remember the official visit he made to Malta in 2016,during which I had the privilege to officially accompany him. May God give him eternal rest.
— President of Malta (@presidentmt) November 12, 2021