Il-popolazzjoni f’Malta sal-aħħar tal-elfejn u għoxrin, kienet ta’ 516,100 persuna.
Dan ifisser li l-popolazzjoni żdiedet b’madwar 1,500 persuna meta mqabbel mas-sena ta’ qabel.
Dan ħareġ fi statistika tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Popolazzjoni.
Is-sena l-oħra f’pajjiżna kien hawn iżjed irġiel milli nisa.
Kważi mitejn u sebgħa u sittin elf (266,939) huma rġiel u ftit inqas minn mitejn u ħamsin elf (249,161) kienu nisa.
Is-sena l-oħra, twieldu 4,414 tarbija u mietu 4,084 persuna.
In-nies li jiffurmaw l-akbar grupp ta’ età huma dawk li għandhom bejn 30 u 39 sena. Dawn jgħoddu għal aktar minn disgħin elf (90,881).
Warajhom hemm dawk li għandhom bejn 20 u 29 sena, u jsegwuhom dawk ta’ bejn l-40 u d-49 sena.
Fl-istatistika joħroġ li l-Maltin jgħixu medja ta’ ftit iżjed minn tnejn u tmenin sena, u n-nisa jgħixu aktar mill-irġiel.