F’Malta hawn ambjent ideali biex jinħolqu proġetti innovattivi, mhux biss għax issib ma’ min taħdem imma għax il-pajjiż għandu relazzjoni b’saħħitha mal-bqija tal-Ewropa.
Hekk qalilna Dr Manuele Biazzo, direttur ta’ kumpanija fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni li twaqqfet sena ilu f’pajjiżna.
“Malta has a very nice environment to establish something innovative because you will find the right partners and in particular, it is also good for collaboration in Europe.”
Din il-kumpanija tirriċerka l-mikrobi fil-ġisem biex toħroġ b’soluzzjonijiet li jgħinu lit-tobba fil-kura li jagħtu lill-pazjenti għal diversi mard, fosthom il-COVID-19.
Fil-fatt, id-Direttur spjega li t-tnax-il riċerkatur li jaħdmu mal-kumpanija qegħdin jistudjaw ukoll il-vaċċin u kif il-ġisem jirreaġixxi għat-tilqima.
Fl-istess waqt għaddejjin ukoll studji biex ikun magħruf għaliex ikun hawn min ikollu s-sintomi tal-COVID-19, u min le.
“We are working on the neuro response on this so we have international partnership with pharmaceutical companies on two main projects, that is the vaccine but in particular is how our microbes could influence the immune response after a vaccination.”
Fi żjara fl-uffiċini ta’ Bio Arte fil-Life Sciences Park, il-Ministru għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, Owen Bonnici, innota li l-kumpanija toffri opportunitajiet lil riċerkaturi bi kwalifiċi għoljin kemm f’Malta kif ukoll lil hinn.
“Aħna nemmnu ħafna fil-potenzjal tas-settur tar-riċerka u l-innovazzjoni kemm għax joħloq il-postijiet tax-xogħol u anki għaliex joħloq soluzzjonijiet li jtejbu l-ħajja tan-nies b’mod wiesa’ ħafna, per eżempju l-kumpanija tal-lum ħolqot soluzzjoni li biha tistudja l-mikrobi li hemm fil-ġisem biex tgħin lit-tobba fil-kura li jagħtu lill-pazjenti tagħhom f’firxa sħiħa ta’ mard inkluż il-COVID-19.”
Fil-pjanijiet futuri tal-kumpanija hemm dak li tkompli tikber u timpjega aktar nies, biex tissokta bir-riċerka għal aktar soluzzjonijiet li jtejbu l-ħajja tan-nies.