F’Malta hawn sebgħa u erbgħin fil-mija aktar ATMs għal kull mitt elf persuna meta mqabbel mal-medja fiż-Żona Ewro. Dan skont informazzjoni ppubblikata fir-Rivista ta’ kull tliet xhur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta.
Skont informazzjoni ppubblikata għall-elfejn u dsatax mill-Fond Monetarju Internazzjonali li wera kif il-medja għaż-żona ewro hi ta’ ħamsa u sittin punt wieħed għal kull mitt elf persuna filwaqt li f’Malta hawn sitta u disgħin.
F’Malta wieħed isib ATMs minn ħames istituzzjonijiet ta’ kreditu kemm lokali kif ukoll internazzjonali. L-istudju li sar mill-Bank Ċentrali wera kif sa Diċembru 2019, f’Malta kien hawn 405 ATMs fejn dan l-ammont jitla’ għal 434 ATMs fi żmien staġjonali.
Għal kull kilometru kwadru f’Malta ssib ATM li toffri varjetà ta’ servizzi, bl-għan prinċipali ta’ użu jkun ġbid ta’ flus kontanti.
Il-Bank Ċentrali nnota kif f’dawn l-aħħar snin kien hemm żieda fl-użu tal-kards, b’din iż-żieda ġiet innutata aktar tul ix-xhur tal-pandemija din is-sena.
Il-volum ta’ ġbid ta’ flus kontanti bl-użu ta’ kards żdied għal tlettax punt tnejn miljun tranżazzjoni fl-elfejn u dsatax meta mqabbel mal-elfejn u għaxra, bl-ammont f’dik is-sena kien ta’ għaxra punt tmienja miljun tranżazzjoni. Dan hekk kif il-valur żdied minn wieħed punt wieħed biljun ewro għal wieħed punt disgħa biljun ewro.
Intant kawża ta’ żieda fit-turiżmu, il-volumm u l-valur tat-tranżazzjonijiet bl-użu ta’ kard barranin żdied minn miljun fl-2010 għal tliet miljun tranżazzjoni fl-elfejn u dsatax filwaqt li l-valur żdied minn mija erbgħa u ħamsin miljun ewro għal ftit aktar minn erba’ mitt miljun ewro.
Il-valur medju ta’ kull ġbid ta’ flus minn ATM żdied minn mija u għaxar ewro għal kull tranżazzjoni fl-2010 għal mija sitta u erbgħin ewro għal kull tranżazzjoni fl-elfejn u dsatax.