F’Malta ġie inawgurat ċ-Ċentru Internazzjonali għall-Iżvilupp dwar Politika għall-Immigrazzjoni fil-Mediterran sabiex joffri taħriġ lill-persuni mdaħħla f’dan il-qasam.
Fl-inawgurazzjoni l-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Evarist Bartolo saħaq li dan iċ-ċentru se jgħin biex tiġi indirizzata l-isfida tal-immigrazzjoni.
“Jagħmel ħafna sens li ċentru bħal dan ikun ibbażat hawn Malta bejn il-kontinent Ewropew u l-kontinent Afrikan. Iċ-ċentru se jkun qed jgħin biex naffaċċjaw l-isfida tal-immigrazzjoni minn ħafna oqsma differenti, tas-sigurtà, tal-ħarsien tal-fruntieri, tal-ġlieda kontra t-traffikanti, tal-iżvilupp li hemm bżonn f’dawn il-pajjiżi għaliex l-aħjar mod kif in-nies ma jiċċaqalqux huwa li jkollhom xogħol u ġid f’pajjiżhom stess u li imbagħad dawk li daħlu irregolarment ikun hemm qbil biex jerġgħu lura” saħaq il-Ministru Bartolo.
F’konferenza li għaliha kien hemm preżenti wkoll id-Direttur Ġenerali taċ-Ċentru Internazzjonali għall-Iżvilupp tal-Politika tal-Immigrazzjoni, intqal kif Malta ħadmet qatigħ biex jinfetaħ dan iċ-ċentru.
Jappoġġjaw lil Malta kien hemm id-Danimarka, l-Awstrija u l-Unjoni Ewropea bl-involviment tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Ażil u Frontex.
Il-Libja u l-Ġordan se jkunu l-ewwel pajjiżi msieħba fin-Nofsinhar tal-Mediterran li jkunu involuti fil-proġett u se jipparteċipaw fil-Bord tat-Tmexxija tal-Istitut tat-Taħriġ.
Il-proġett għandu l-għan ukoll li jinvolvi sħab Mediterranji oħra fosthom it-Tuneżija, il-Marokk u l-Libanu.
Għal dan iċ-ċentru hemm iddedikat fond ta’ €4.3 miljun.