Il-mewt tar-Reġina hija mument monumentali għall-istorja Brittanika u, kif mistenni, jitlob li jsir tibdil sinifkanti minn diversi aspetti.
Ngħidu aħna, ir-ritratt tar-Reġina Eliżabetta II jinsab fuq il-bolol, fuq il-muniti u anke karti tal-liri sterlina. L-inizjali tagħha qegħdin fuq il-kaxxi postali, fuq l-uniformijiet tal-korpi dixxiplinati. Mill-banda l-oħra l-innu nazzjonali u l-passaport tal-pajjiż jirreferu għar-reġina, fil-femminil, meta issa r-Renju Unit se jkollu Re.
Dan it-tibdil kollu jaf jieħu fit-tul, saħansitra snin sħaħ.
Anki l-emblema, li tkun unika għal kull monarka, titpoġġa fuq il-binjiet tal-Gvern, l-uniformijiet, id-dokumenti rjali u Statali, fost oġġetti oħra affiljati mar-Renju.
L-emblema tar-Reġina Eliżabetta t-Tieni hija ERII (Elizabeth the Second, Regina). Issa l-emblema l-ġdida mistennija tkun CRIII (Charles the Third, Rex). Il-kelma Rex tfisser re bil-Latin.
It-tibdil fil-kaxxi postali, li minnhom hemm madwar 100,000 fir-renju Unit u f’pajjiżi li tagħhom ir-reġina hija l-Kap tal-Istat, jistgħu jieħu bosta snin biex jinbidlu bl-emblema ġdida. Fil-fatt, il-Mużew Postali tar-Renju Unit qal li l-kaxxi postali l-ġodda biss joħorġu bl-emblema l-ġdida. Dawk eżistenti jibqgħu bl-arma preżenti, jiġifieri bl-ERII.
Anki l-flus se jinbidlu, iżda għall-kumplament tas-sena u ftit aktar wara se jibqgħu jinħarġu b’wiċċ ir-Reġina Eliżabetta II, sakemm imbgħad jibdew jidħlu fiċ-ċirkulazzjoni dawk bil-profil tar-Re Karlu III. Madanakollu, il-flus b’wiċċ ir-Reġina mistennija jdumu s-snin jiċċirkolaw sakemm ikunu nġabru kollha.