Għalkemm fis-sajf huwa magħruf li jonqsu sew l-udjenzi tat-televiżjoni, l-udjenza massima ta’ ONE NEWS f’Lulju li għadda kienet ta’ aktar minn 74,000 telespettatur, żieda ta’ 16,000 telespettatur meta mqabbel ma’ Lulju tal-2018.
UDJENZA MASSIMA TA’ ONE NEWS
LULJU 2019 – 74,151 TELESPETTATUR
LULJU 2018 – 58,104 TELESPETTATUR
L-istħarriġ tal-Awtorità tax-Xandir wera li f’kull jum tal-ġimgħa, il-bullettin tal-aħbarijiet ta’ ONE NEWS kellu udjenza li tisboq sew dik ta’ NET NEWS li f’ċerti jiem kienet id-doppju u saħansitra t-triplu ta’ NET NEWS.
UDJENZA F’LULJU 2019
ONE NEWS NET NEWS
335,312 118,479
Fil-fatt waqt li għal ħamest ijiem fil-ġimgħa l-udjenza ta’ ONE NEWS taqbeż it-tmienja u erbgħin elf, dik ta’ Net News qatt ma tagħmel dan.
L-istħarriġ wera wkoll li l-istazzjon ONE baqa’ l-aktar stazzjon privat segwit f’pajjiżna b’udjenza ta’ 17.9 fil-mija waqt li NET TV kellu udjenza ta’ 10 fil-mija. L-istazzjon nazzjonali kellu l-ogħla udjenza ta’ 33.9 fil-mija.
L-istħarriġ tal-awtorità tax-xandir wera wkoll li l-akbar pogrammi favoriti baqgħu l-aħbarijiet bi 23 fil-mija, segwiti mid-drama b’14.3 fil-mija u mill-programmi ta’ diskussjoni b’10.4 fil-mija.
L-istħarriġ dwar ir-radju wera li 52 fil-mija tal-popolazzjoni semgħu r-radju f’Lulju li għadda, li kien ifisser tnaqqis marġinali ta’ 1 fil-mija meta mqabbel ma’ Lulju tal-2018.
Bħala medja s-semmiegħa tar-radju qattgħu aktar minn 3 sigħat jisimgħu r-radju, bl-akbar udjenza medja terġa’ tkun dik ta’ ONE Radio b’25.4 fil-mija, segwita minn Bay Radio bi 15.6 fil-mija. L-istazzjon tar-radju tal-Partit Nazzjonalista ġie fis-sebgħa post wara Radju Malta, Radju Marija u Vibe FM.
Fost oħrajn il-programmi politiċi fuq ONE Radio fil-faxxa tan-nofs siegħa reġgħu kisbu riżultati tajbin, bl-iktar segwit ikun Linja Diretta nhar ta’ Ġimgħa mmexxi minn Manwel Cuschieri.
Lejlet skeda ġdida, iċ-Chairman ta’ ONE Jason Micallef laqa’ b’sodisfazzjon dan l-istħarriġ u assigura li l-iskeda tal-ħarifa se tkun imżewqa b’bosta programmi ġodda u oħrajn stabbiliti li se joffru xi ħaġa għal kulħadd.