Fix-xahar ta’ Lulju, Malta baqgħet il-pajjiż Ewropew bl-inqas rata ta’ inflazzjoni.
Jixhdu dan ċifri mill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea, il-Eurostat hekk kif f’Lulju Malta, ir-rata ta’ inflazzjoni laħħqet 6.5%.
Żieda ta’ 0.4% fuq ix-xahar ta’ qabel.
Dan minkejja li r-rata ta’ inflazzjoni fiż-żona ewro telgħet għal 8.9%.
Fil-fatt meta mqabbel ma’ Ġunju li għaddha l-inflazzjoni fiż-żona ewro żdiedet b’0.2%.
Issegwi lil Malta bl-inqas rata ta’ inflazzjoni hemm Franza b’rata ta’ 6.8% u l-Finlandja b’7.9%
Intant il-pajjiż bl-akbar rata ta’ inflazzjoni huwa l-Estonja hekk kif f’Lulju din tlaħħaq 22.7%. Isegwu lill-Estonja hemm il-Latvija b’21%, il-Litwanja b’20.8% u s-Slovakkja bi 12.8%.
Il-pajjiż li ra l-akbar żieda fir-rata ta’ inflazzjoni fuq ix-xahar ta’ Ġunju kien l-Olanda bi 2.1%. Issegwi lill-Olanda, hemm mill-ġdid il-Latvija b’1.9% u l-Estonja u Ċipru b’1.7%.
L-istatistika tal-Eurostat tħares ukoll lejn l-oqsma ewlenin fiż-żona ewro u r-rata ta’ inflazzjoni fi ħdanhom. Is-settur tal-enerġija fix-xahar ta’ Lulju baqa’ jokkupa l-akbar rata ta’ inflazzjoni hekk kif din tlaħħaq 39.7%. Madankollu fuq ix-xahar ta’ qabel kien hemm tnaqqis f’din ir-rata ta’ 2.3%.
B’rabta ma’ dan is-settur il-konsumaturi Maltin baqgħu protetti minn din l-ogħla rata ta’ inflazzjoni fiż-żona ewro, hekk kif il-Gvern Malti qed jassorbi dan il-piż hu.