F’Lulju, ix-xahar li għadda, għaddew kważi 700,000 passiġġier mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. Dan ifisser li f’Lulju ġiet irreġisrata l-aktar rata ta’ rkupru b’saħħitha sa issa, ta’ 86.3 fil-mija.
Dan ħareġ minn stqarrija tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, li fiha ntqal li r-rata tal-okkupanza tal-postijiet fuq it-titjiriet kien fil-livell ta’ iżjed minn tmienja u tmenin fil-mija.
Dan kien l-ogħla perċentwal għax-xahar ta’ Lulju li ġie rreġistrat mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta mill-2016 ’l hawn. Dan ifisser rata ogħla mir-rata li kien hemm qabel il-pandemija.
Fl-istqarrija ntqal li x-xahar li għadda ġew irkuprati 85 fil-mija tal-postijiet disponibbli fuq it-titjiriet minn u lejn Malta f’Lulju ta’ tliet snin ilu, qabel il-pandemija,.
F’Lulju, il-passiġġieri mill-Italja baqgħu fil-quċċata tal-aqwa swieq tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, wara li n-numru ta’ passiġġieri li vjaġġaw minn jew lejn din id-destinazzjoni jisboq il-livelli tal-2019.
Dan seħħ għat-tieni xahar konsekuttiv.
L-Italja kienet segwita mir-Renju Unit, Franza, il-Ġermanja, u Spanja.
Is-suq Taljan kiber bi tlieta fil-mija fuq Lulju tal-2019, jiġifieri dak ta’ qabel il-pandemija.
Dan filwaqt li s-suq Franċiż żdied b’41 fil-mija meta mqabbel max-xahar ta’ Lulju ta’ qabel il-pandemija.
L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta qal li, bir-riżultati ta’ Lulju, it-traffiku tal-Ajruport sa issa telgħa għal aktar minn tliet miljun moviment tal-passiġġieri.
Dan ifisser 75 fil-mija tal-passiġġieri li għaddew mill-ajruport bejn Jannar u Lulju tal-2019.
L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta qed ibassar li, sal-aħħar ta’ din is-sena, se jgħaddu minnu iżjed minn ħames miljun passiġġier.