Fil-Malta Summer Festival, li se jsir ix-xahar id-dieħel, il-Malta Philarmonic Orchestra se tippreżenta l-opra b’mod ġdid, bil-għan li l-mużika ta’ dan it-tip tiġi apprezzata minn udjenzi ġodda.
Il-Festival innifsu se jikkonsisti f’serati ddedikati għall-mużika tal-opra, b’numru ta’ personalitajiet jieħdu lil dawk preżenti vjaġġ mużikali.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti, u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, stqarr li dan il-programm juri l-impenn tal-Gvern favur il-mużika u l-kultura, filwaqt li jitrawwem l-apprezzament tal-mużika f’dawk kollha li se jattendu.
Huwa nnota li l-programm fih varjetà u se jinkludi t-talenti ta’ mużiċisti internazzjonali u lokali mill-aqwa.
“L-opra hija tip ta’ mużika sabiħa immens li fiha għandna ħafna talent lokali li nemmnu ħafna fih. Allura, se naħdmu b’kollaborazzjoni kemm mat-talent lokali kif ukoll mat-talent internazzjonali biex inkunu nistgħu nagħmlu dan il-festival, li se jinżel tajjeb ħafna mal-udjenza li se tmur biex tisma’ l-opra u tisma’ din is-sbuħija.”
Intant, il-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo, qal li waqt li l-pandemija kienet fl-agħar tagħha tul dawn l-aħħar sentejn, il-Gvern ħa ħsieb jara li, meta l-pajjiż jerġa’ jiftaħ, ikun hawn kalendarju kulturali diversifikat.
Osserva li dan is-sajf huwa wieħed mimli kultura u divertiment għat-turisti u anke għall-Maltin. Stqarr li, b’avvenimenti rikki bħal dawn, il-prodott turistiku Malti se jissaħħaħ u jiġi diversifikat.
“L-aspett kulturali huwa niċċa turistika oħra importanti li qegħdin naħdmu fuqha. Dan sabiex naraw li t-turisti li jżuru pajjiżna jkollhom esperjenza ta’ kwalità meta jkunu qegħdin f’pajjiżna għall-btala tagħhom. Dak kollu li qed nagħmlu aħna nagħmluh kemm għat-turisti u anke għall-familji Maltin u Għawdxin, sabiex ngħollu wkoll il-kwalità tal-għajxien tal-familji Maltin u Għawdxin għal dan is-sajf li ġej.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Philarmonic Orchestra, Sigmund Mifsud, qal li dan il-festival huwa wieħed sinifikanti għax joffri opportunitajiet għal kollaborazzjonijiet filwaqt li jservi ta’ okkażjoni sabiex wieħed jikber mużikalment. Il-festival se jsir bejn it-13 u l-21 ta’ Lulju. Għal aktar informazzjoni, wieħed jista jżur is-sit maltaorchestra.com.