F’Jum il-Milied, ħafna jsegwu dak li jkun qed jiġri fil-Vatikan f’Ruma, li għal dan iż-żmien tant importanti għall-Knisja Kattolika, ikun imlibbes b’għexieren ta’ eluf ta’ fjuri.
Din is-sena mhux b’inqas hekk kif il-florist Malti David Grech, għat-tieni darba kien parti minn grupp ta’ floristi li żejnu l-bażilika tal-Vatikan biex il-Papa jwassal il-messaġġ tradizzjonali tal-Urbi et Orbi.
B’intervista telefonika, ONE News tkellem mal-florist Malti, li spjega kif l-ewwel darba li kien mistieden jagħmel dan ix-xogħol kien fil-festi tal-Għid il-Kbir.
Qal, “Kienet esperjenza sabiħa fejn jiena u tim ta’ floristi minn Slovenja u floristi tal-Vatikan stess, ippreparajna l-arranġamenti tal-fjuri biex il-Bażilika tkun tista’ titlibbes għal din il-festa tant kbira għall-knisja. Għada kulħadd, għajnejn id-dinja kollha tkun fuq il-vatikan fejn il-Papa jqaddes il-quddiesa u joħroġ fil-gallarija biex jagħti l-awgurju tiegħu.”
Huwa spjegalna x’tip ta’ fjuri ntużaw, li jmorru id f’id mal-ispirtu ta’ dawn iż-żminijiet.
Qal, “L-affarijiet li ntużaw huma sinonimi ma’ din il-festa. Użajna l-ponzjetti, użajna l-weraq tal-Christmas Tree, użajna weraq li kien miżbugħ lewn id-deheb u użajna affarijiet oħra li kienu miżbugħin bojod biex jagħtu l-effett ukoll taż-żmien tas-sena li f’ħafna pajjiżi tkun nieżla l-borra u l-kesħa.”
David Grech ilu f’dan il-qasam minn mindu kellu għaxar snin.
Huwa speċjalizzat fil-qasam mediku però dan ix-xogħol huwa għal qalbu ferm u jagħtih sodisfazzjon kbir.
Qal, “Il-hobby tiegħi l-fjuri jiġifieri hobby li nagħmlu b’passjoni u idejja joqgħodu tajjeb għalih. Min jafni, jaf li jiena kreattiv ħafna, abbli ħafna f’dan ix-xogħol u allura l-hobby tiegħi wassalni biex nagħmel din il-biċċa xogħol ġol-Vatikan u nirrappreżenta lil Malta għax fl-aħħar mill-aħħar tkun qed ixxejjer il-bandiera ta’ Malta.”