F’konfront movimentat u entużjażmanti, Floriana sfaw miżmuma fi draw ta’ mingħajr goals minn Balzan. Kien konfront kollox ma’ kollox bilanċjat, għalkemm Floriana dehru aħjar fit-tieni taqsima, fejn kellhom iktar pussess tal-ballun, b’Balzan, wara r-rebħa ta’ 3-0 kontra Naxxar Lions, komplew jidhru ittrasformati taħt il-gwida tal-kowċ, Andrew Cohen.
Ta’ nota huwa l-fatt li dan kien dwell bejn żewġ kowċis – Darren Abdilla għal Floriana u Andrew Cohen għal Balzan, li fil-passat riċenti ħadmu spalla ma’ spalla flimkien fit-tmun ta’ Gzira United, tal-ewwel bħala kowċ u Cohen bħala assistent tiegħu.
Kienu Floriana li ħolqu l-ewwel periklu fid-disa’ minuta meta Carlo Zammit Lonardelli xeħet cross-shot għan-nofs iżda kemm Elvis Mashike Sukise kif ukoll Franklin Sasere ma rnexxielhomx jagħmlu kuntatt mal-ballun, bl-azzjoni tisfuma fix-xejn.
Huma komplew jiddettaw il-logħob u man-nofsiegħa logħob Alexandros Kouros indirizza cross li sab lil Matias Nicolas Garcia li kellu d-daqqa ta’ ras tiegħu mill-viċin tintemm ftit barra.
Balzan wieġbu għall-ewwel darba fis-36 minuta u resqu viċin li jiftħu l-iskor meta Victor Blasco Llorens għadda tajjeb lejn Isaac Westendorf li min-naħa tiegħu xeħet cross lejn Alexander Ayo Akoan li minn taħt il-lasta kellu t-tentattiv tiegħu salvat tajjeb mill-goalkeeper ta’ Floriana, Christoffer Mafoumbi.
Huma komplew fuq l-offensiva u fit-42 minuta Akpan venven xutt minn barra l-kaxxa b’Mafoumbi jsalva mingħajr wisq diffikultá.
Balzan komplew iżidu fil-kunfidenza u żewġ minuti biss wara Jan Busuttil għadda tajjeb lejn Victor Llorens Blasco li kien sfortunat meta ra t-tentattiv tiegħu mill-viċin jistampa mal-wieqfa, bil-Greens jeħilsuha ħafif.
Il-pressjoni kienet kollha fuq Floriana u fil-ftuħ tat-tieni taqsima ħarġu ferm aggressivi u fis-57 minuta xutt mill-ewwel tas-sostitut Jake Grech għadda għoli. Żewġ minuti biss wara l-istess Jake Grech żmarkat quddem il-goalkeeper ta’ Balzan, Danilo Golovic, tefa’ għoli.
Kulma jmur kompla d-dominju tal-Greens u fis-66 minuta Elvis Mashike Sukise kellu x-xutt mill-ewwel tiegħu salvat bi bravura minn Golovic, biex salva goal ċert.
Floriana komplew jippressaw u fid-79 minuta, xutt minn tarf il-kaxxa ta’ Jake Grech ghadda barra.
Huma komplew fuq l-offensiva u tliet minuti biss wara cross-shot ta’ Matias Nicolas Garcia ġie ppanċjat f’sigurtá minn Golovic.
L-iskor baqa’ ma nbidilx sa tmiem il-partita, biż-żewġ timijiet jieħdu punt kull wieħed.
Referee: Emanuel Grech
Plejer tal-Logħba: Danilo Golovic (Balzan FC)