Floriana baqgħu jżommu l-ewwel post tal-klassifika tal-VMFA Cisk Premier League meta rebħu l-konfront dirett kontra Birkirkara St Helen’s 4-2. Kienet logħba ferm sabiħa b’Birkirkara jibdew tajjeb tant li ħolqu diversi okkażjonijiet u marru fil-vantaġġ iżda Floriana wara li ġabu d-draw qabel tmiem l-ewwel taqsima komplew jiskorjaw u ħadu t-tliet punti finali.
Manolito Micallef, Glenn Bonello, Brian Said u Emerson Amaira skorjaw għall-Greens filwaqt li Federico Marine u Jean Pierre Mifsud Triganza kienu l-awturi tal-gowls ta’ Birkirkara.
Isegwu fil-klassifika hemm Gżira United li kif għelbu lil Rabat 6-3. Ma kinitx logħba faċli għall-Maroons bir-Rabtin li dejjem kienu viċin l-avversarji. Daniel Mariano Bueno spikka għall-Gżirjani meta skorja tliet gowls filwaqt li Dino Cachia kien awtur ta’ doppjetta. Sebastian Nayar żied ieħor għat-tim tiegħu. Rabat baqgħu fil-logħba b’gowls ta’ Adam Smeir u Melvin Borg.
Iċ-champions MFPA kisbu tliet punti importanti biex jibqgħu fil-parti ta’ fuq tal-klassifika wara li għelbu lil Hibernians 8-5. Kienet logħba mimlija gowls bir-riżultat li kien inċert sal-aħħar. Gareth Sciberras, Mark Barbara u George Frendo skorja doppjetta kull wieħed filwaqt li Michael Galea u Alexander Ribic niżżlu wkoll isimhom fost l-iskorers. Hibernians sabu x-xibka permezz ta’ Malcolm Camilleri, Ilia Nazarov, Stefan Cauchi, Marco Makkito u Clayton Micallef Vassallo.
Fi dwell bejn żewġ timijiet tan-naħa t’isfel tal-klassifika, Żurrieq Wolves għelbu lil Żejtun Red Stars 2-1. Alexei Saliba kien l-eroj għaż-Żrieraq meta skorja doppjetta personali filwaqt li Żejtun Red Stars skorjaw fl-aħħar parti tal-logħba permezz ta’ Etienne Farrugia. B’din ir-rebħa, Żurrieq Wolves telgħu b’disa’ punti filwaqt li Żejtun Red Stars għadhom ifittxu l-ewwel punti tagħhom tal-istaġun.
KLASSIFIKA – VMFA Cisk Premier League – Floriana 27, Gzira United 25, Birkirkara St Helen’s 20, MFPA 19, Rabat 14, Zurrieq Wolves 9, Hibernians 3, Zejtun Red Stars 0.