F’kundizzjonijiet klimatiċi u xejn favorevoli minħabba x-xita qawwija li ħakmet lill-gżejjer Maltin proprju qabel il-partita, Floriana ħallew għall-aħħar biex jegħlbu lil Marsaxlokk bl-iskor ta’ 2-1, liema konfront beda sigħa tard u fejn għal xi ħinijiet deher li l-konfront setgħa jiġi pospost għaliex il-kundizzjoni tal-pitch ma’ kienitx waħda tajba.
Madankollu, kienet partita kollox ma’ kollox bilanċjata, fejn għalkemm Floriana ħarġu fuq in-naħa rebbieħa, żgur li kieku Marsaxlokk ħarġu mill-ground almenu b’punt ma kienu jisirqu xejn. Dan speċjalment wara dak li dawn tal-aħħar esprimew fit-tieni taqsima.
Kienu Marsaxlokk li ħolqu l-ewwel periklu fid-disa’ minuta meta Yuri De Jesus Messias dar tajjeb mal-goalkeeper tal-Greens Christoffer Mafoumbvi iżda kellu l-konklużjoni tiegħu mill-viċin tiġi salvata f’corner bir-ras minn difensur ta’ Floriana, biex salva goal ċert.
Madankollu, kienu Floriana li fetħu l-iskor fis-16-il minuta permezz ta’ freekick mill-isbaħ ta’ JULIAN GONZALO GAMARRA li ma ta l-ebda ċans lill-goalkeeper ta’ Marsaxlokk, Matthew Calleja Cremona.
Marsaxlokk wieġbu fis-26 minuta permezz ta’ xutt b’saħħtu kważi minn tarf il-kaxxa tas-solitu Yuri De Jesus Messias li iżda ntemm għoli.
Il-Greens reġgħu ħolqu l-periklu fil-41 minuta meta wara li rċieva minn azzjoni ta’ corner, Matias Nicolas Garcia kellu d-daqqa ta’ ras tiegħu salvata tajjeb minn Calleja Cremona.
Ta’ nota huwa l-fatt li fil-ftuħ tat-tieni taqsima, Marsaxlokk ħarġu jilagħbu bi flokk ġdid.
Fil-51 minuta Floriana appellaw għall-penalty meta Jake Grech deher li allegatament kien twaqqa’ minn Calleja Cremona fil-kaxxa, iżda r-referee Matthew De Gabriele ġġudika li l-player tal-Greens kien wettaq simulazzjoni u kawża t’hekk ġie ammonit.
Marsaxlokk irrispondew tmien minuti wara permezz ta’ cross-shot insidjuż tal-captain Leandro Aguirre li ġie ppanċjat f’sigurtá mill-goalkeeper ta’ Floriana, Christoffer Mafoumbi.
Huma komplew jipproduċu l-isbaħ logħob u fid-79 minuta Mafoumbi ħareġ barra minn postu biex interċetta tajjeb fuq Yuri De Jesus Messias.
Bl-aktar mod meritat, Marsaxlokk ġabu l-iskor indaqs fil-81 minuta meta wara li rċieca minn freekick pinġut, Yuri De Jesus Messias kellu d-daqqa ta’ ras tiegħu mill-viċin titkompla għal ġewwa minn LUCAS EMANUEL LOPEZ.
Iżda kellhom ikunu Floriana li jiskorjaw il-goal tar-rebħa tmien minuti wara meta wara li rċieva minn azzjoni ta’ corner, u wara taħwida fil-kaxxa, MATIAS NICOLAS GARCIA kien fil-post it-tajjeb u minn pożizzjoni ideali tefa’ ġewwa.
Huma komplew jamministraw il-vantaġġ minimu li kellhom sa tmiem il-partita.
Referee: Matthew Degabrielle
Plejer tal-Logħba:- Julian Gonzalo Gamarra (Floriana FC)