Goal skurjat mis-sostitut Gabriel Sotomayor fit-92 minuta ta’ rebħa drammatika lil Floriana fuq ir-rivali antiki Sliema Wanderers biex b’din ir-rebħa l-Greens qabżu fil-quċċata tal-klassifika.
Kien riżultat pjuttost kiefer għall-Wanderers, li minkejja li lagħbu għal madwar 70 minuta b’raġel anqas, għarfu jirkupraw tajjeb fit-tieni taqsima wara li kisbu l-goal tad-draw fil-51 minuta u qatt ma deher li setgħu joħorġu telliefa sakemm wasal il-goal drammatiku ta’ Sotomayor fil-ħin miżjud.
Floriana fetħu l-iskor wara tmien minuti biss logħob meta minn freekick mogħti minn Jake Grech, Cedric Yameogo dendel il-ballun għan-nofs u Matias Nicolas Garcia minn qagħda ideali għeleb lill-goalkeeper Slimiz Kelvin Agu Emeka.
Fid-19-il minuta Sliema resqu qrib li jiksbu l-goal tad-draw imma Steven Pisani minn qagħda tajba għolla l-ballun fuq il-lasta Furjaniża.
Fit-22 minuta Sliema ħadu daqqa ta’ ħarta meta Henrique Murilo, li diġa’ kellu karta safra, ntwera t-tieni safra għal foul li setgħa jiġi evitat f’nofs il-ground, biex b’hekk kellu jmur jieħu doċċa kmieni.
Minkejja l-iżvantaġġ numeriku, kienu l-Wanderers li resqu qrib fit-38 minuta imma Vito Plut kellu daqqa ta’ ras tgħaddi ftit għoli minn cross ta’ Pisani.
L-istess Plut reġa’ ttanta xortiħ fil-45 minuta imma x-xutt finali tiegħu ftit li xejn inkwieta lill-goalkeeper Furjaniż Chris Mafoumbi.
It-tieni taqsima bdiet bi Floriana fuq l-attakk u Matias Garcia falla ċans tad-deheb li jirdoppja meta xxuttja għoli minn qagħda ideali wara xogħol tajjeb ta’ Zammit Lonardelli.
Iżda fil-51 minuta kienu l-Wanderers li skurjaw il-goal tad-draw meta Wescley Da Silva xeħet cross tajjeb minn fuq ix-xellug u Vito Plut kien fil-post ideali biex jegħleb lill-goalkeeper Slimiż Kelvin Emeka.
Fis-56 minuta Franklin Sasere seta’ għamel aħjar meta rċieva mingħand Lonardelli, imma x-xutt tiegħu għadda barra.
Sliema għarfu jikkontrollaw tajjeb lill-avversarji tagħhom minkejja l-iżvantaġġ numeriku tant li lejn it-tmiem – fit-88 u d-89 minuta – kellhom tentattivi ta’ Wescley Da Silva u Myles Beerman jgħaddu ftit għoli.
Iżda meta kollox kien jindika li l-logħba se tintemm fi draw, fit-92 minuta Gabriel Sotomayor approfitta minn clearance qasira tad-difensur Slimiż Gustavo Alcino biex b’daqqa ta’ ras xeħet il-ballun fix-xibka għall-goal tar-rebħa Furjaniża.
Plejer tal-Loghba: Vito Plut (Sliema W.)
Referee: Philip Farrugia