Floriana kisbu rebħa mistħoqqa ta’ 3-0 fuq Mosta biex issa telgħu fl-ewwel post tal-klassifika flimkien ma’ Marsaxlokk. Din ir-rebħa tfisser li d-destin ta’ Floriana għar-rebħ tal-kampjonat jinsab f’idejhom stess.
Floriana kienu fil-kontroll assolut tal-partita sa mill-bidu nett u fiflatt wara biss tliet minuti ħolqu l-ewwel azzjoni meta Aleandro Garzia qassam lejn José Fernando Gomes Júnior li pprova xutt, iżda ġie mblukkat mill-goalkeeper Mosti, Ngoubi Demba.
Fis-7 minuta, Floriana fetħu l-iskor minn freekick sabiħ ta’ Gomes Júnior li sab il-kantuniera tax-xibka. Demba mess il-ballun iżda ma rnexxielux isalva.
Il-pressjoni tal-Greens kompliet u fl-14-il minuta free-kick ta’ Fernandinho sab lil Kouro Alexandros bid-daqqa ta ras tiegħu tiġi salvat mill-goalkeeper Mosti.
Fil-31 minuta, Gomes Júnior reġa’ ttanta xortiħ b’cross-shot li ġie mblukkat, waqt li fit-34 minuta xutt ta’ Matías García ġie mdawwar f’corner minn Demba.
Fil-bidu tat-tieni taqsima, cross ta’ Kouro ta’ Floriana u Sasere min pożizzjoni ideali bir-ras falla l-mira.
Fit-58 minuta, Clayton Failla kkawża penalty fuq Sasere. Sasere innifsu ħa r-responsabbiltà iżda Demba salva l-penalty.
Madankollu, Floriana irdupjaw il-vantaġġ tagħhom fit-62 minuta meta free-kick ta’ Gonzalo Gamarra sab lil Matías García li b’daqqa ta’ ras għeleb lil Demba għal 2 – 0.
Fis-66 minuta, Floriana kellhom iċ-ċans li jiskurjaw it-tielet gowl, wara kross ta’ Grech fejn il-ballun spiċċa f’saqajn José Fernando, iżda x-xutt tiegħu ġie milqugħ mill-goalkeeper ta’ Mosta.
Fl-84 minuta Floriana għamluhom 3-0 meta Aleandro Garzia għadda kross perfett lil Elvis Mashike Sukisa li għeleb lil Demba għal skor finali ta’ 3 – 0.
Referee: Fyodor Zammit
Plejer tal-Logħba: Junior Gomes Jose Fernando (Floriana FC)