Floriana għelbu lil Birkirkara bl-iskor ta’ 2-1 fl-ewwel logħba tas-Sibt wara nofsinhar fl-Stadium Nazzjonali, biż-żewġ goals għalihom jaslu wieħed f’kull taqsima.
Kienu Birkirkara li ħarġu fuq l-offensiva u wara biss tliet minuti Andrea Zammit kellu xutt sabiħ li għadda għoli. Huma komplew jippressaw u fit-13-il minuta Alessandro Coppola kellu tentattiv minn freekick insidjuż li stampa mal-mimduda u ntemm barra.
Floriana wieġbu fil-25 minuta u rnexxielhom jiftħu l-iskor permezz ta’ Mattaia Veselji, li wara li dar ma’ difensur avversarju permezz ta’ xutt fil-baxx tefa’ ġewwa, biex b’hekk irnexxielu jsib ix-xibka għat-tieni partita konsekuttiva.
Dan il-goal ta’ kuraġġ lil greens u żewg minuti biss wara rebħu penalty meta Enrico Pepe waqqa’ lil Matheus De Sousa fil-kaxxa. Mill-11-il metru inkariga ruħu l-awtur tal-ewwel goal Mattia Veselji li iżda ra lill-golkeeper Pollakk ta’ Birkirkara Marcel Zapytowski li salva tajjeb wara li ntefa’ minn tulu fl-art biex l-iskor sa tmiem l-ewwel taqsima r-riżultat baqa’ dak ta’ 1- 0.
Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, Birkirkara ħarġu aħjar u fis-66 minuta rebħu penalty meta minn azzjoni ta’ corner li kien l-ewwel wieħed tal-partita, Oualid El Hasni deher imiss il-ballun b’idu fil-kaxxa u kawża t’hekk ġie ammonit. Mill-11-il metru, inkariga ruħu Andrei Ciolacu li ma żbaljx hekk kif permezz ta’ xutt fil-baxx tefa’ lill-goalkeeper Bulgaru Georgi Kitanov naħa u l-ballun in-naħa opposta, biex b’hekk irnexxielu jsib ix-xibka proprju kontra l-ex team tiegħu.
L-istripes komplew jippressaw u fit 80 minuta freekick insidjuż ta’ Maxuell Maia ġie salvat b’diffikultá minn Kitanov.
Iżda kienu Floriana li skorjaw il-goal tar-rebħa proprju tliet minuti biss wara meta Matias Nicolas Garcia xeħet cross li ħabat ma’ Dunstan Vella, bil-ballun jintemm għand Kemar Reid li permezz ta’ daqqa ta’ ras tefa’ l-ballun f’lasta vojta.
Referee: Trustin Farrugia Cann
BOV Plejer tal-Logħba: Mattia Veselji