Floriana kisbu l-passaġġ għat-tieni round tal-UEFA Europa Conference League meta għalkemm fit-tieni leg tal-ewwel round ta’ din il-kompetizzjoni kisbu draw drammatiku ta’ 1-1, huma kisbu l-kwalifikazzjoni b’aggregate ta’ 4-2. Dan wara li fl-ewwel leg li kien intlagħab fit-Tony Bezzina Stadium f’Kordin, matul il-ġimgħa li għaddiet, kienu ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 3-1.
Kienu l-Greens li ħarġu tajjeb u fl-10 minuta, Jake Grech ġiegħel lill-goalkeeper, Mattia Migani, iwettaq save bi tbatija.
Huma komplew jiddettaw il-logħob u tmien minuti wara, Kemar Reid, kellu x-xutt tiegħu li ntemm ftit barra.
Tre Penne wieġbu għall-ewwel darba fit-33 minuta, meta Dormi kellu xutt sabiħ minn pożizzjoni ideali salvat tajjeb mill-goalkeeper tal-Greens, Christoffer Mafoumbi.
Il-pressjoni kienet kollha fuq Tre Penne u mas-siegħa logħob, huma fetħu l-iskor meta d-difensur BENJAMIN BOCCIOLETTI kien fil-post it-tajjeb fil-mument opportun u b’xamma kbira għall-goal tefa’ ġewwa.
Floriana wettqu reazzjoni tajba u ħames minuti wara, Kyrian Nwoko, kellu x-xutt tiegħu minn qagħda ideali jintemm ftit barra.
Il-Greens komplew jippressaw u f’temp ta’ żewġ minuti, eżattament bejn is-86 u t-88 minuta, kellhom żewġ tentattivi li ntemmew barra – l-ewwel permezz ta’ Thiago Santos u mbagħad permezz ta’ Jake Grech.
Azzjoni wara l-oħra huma meritatament ġabu l-iskor indaqs fil-95 minuta meta Kemar Reid provda l-assist lil JAKE GRECH li b’eleganza tefa’ ġewwa.
Ritratt: FFC Media