Il-Kunsill ta’ Lambeth, fin-nofsinhar ta’ Londra se jibda jagħti e-cigarettes, jew kif inhuma magħrufa aħjar bħala vapes, b’xejn lil nisa tqal.
Dan qiegħed isir f’tentattiv biex dawn in-nisa li aktar tard isiru ġenituri jieqfu jonfqu flushom fuq is-sigaretti. Hawnhekk, qiegħed ikun stmat li familja se tkun qed tiffranka mal-elfejn sterlina fis-sena li kienet tkun minfuqa f’sigaretti.
F’Lambeth, aktar minn tlett elef familja fis-sena jispiċċaw fil-faqar il-maġġoranza tagħhom ikollhom it-tfal.
Is-servizz tas-saħħa nazzjonali Brittaniku, l-NHS qalet li s’issa ftit saret riċerka dwar il-konsegwenzi li l-e-cigarettes jista’ jkollhom speċjalment fuq nisa tqal.
Il-Kunsill ta’ Lambeth, iżda qal kif din l-inizjattiva se tgħin nisa jieqfu jpejpu. Dan fid-dawl li t-tipjip jista’ jwassal għal kumplikazzjonijiet fit-tqala.
Informazzjoni miksuba minn dan il-Kunsill turi li nisa f’residenzi bi dħul baxx għandhom tendenza aktar li jpejpu waqt it-tqala.