Mijiet ta’ tractors imblukkaw it-toroq fiċ-ċentru ta’ Londra l-Erbgħa, f’waħda mill-aħħar protesti mill-bdiewa kontra l-gvern fejn fost affarijiet oħra qed jilmentaw kontra l-proposta ta’ żieda fit-taxxa kif ukoll it-tneħħija ta’ miżura li kienet daħlet fis-seħħ fl-1990 fejn propjetà ta’ rziezet kienet eżentata mill-ħlas tat-taxxa tas-suċċessjoni.
Il-bdiewi ipparkjaw it-tractors tagħhom wara xulxin qrib il-bini tal-Parlament Ingliż f’tentattiv li jikkonvinċu lill-Gvern sabiex ibiddel fehmtu jew jiffaċċja konsegwenzi ta’ aktar protesti. Iżda l-gvern repetutament sostna li mhux se jkun qed jerġa lura mid-deċiżjoni dwar it-tneħħija tal-eżenzzjoni mit-taxxa tas-suċċessjoni.
Il-miżura, li l-kritiċi qed jirreferu għaliha bħala “it-taxxa tat-tractors” ġiet introdotta mill-gvern sabiex iżid id-dħul tiegħu għas-servizzi pubbliċi iżda d-dimostranti qed isostnu li din il-bidla se tkun ir-rovina ta’ ħafna rziezet tal-familja li diġa qed jiffaċċjaw ħafna diffikultajiet.
Minn April 2026, irziezet b’valur ta’ aktar minn miljun lira sterlina se jkunu suġġetti għal taxxa ta’ 20% meta jmut is-sid u l-propjetà tiġi trasferita lill-werrieta.
Il-bdiewa qed isostnu li matul l-aħħar snin il-qligħ tagħhom naqas drastikament minħabba is-settur kompetittiv tas-supermarkets Brittaniċi kif ukoll prodotti importati bl-irħis u t-tneħħija tas-sussisjdi wara Brexit.