Il-Qorti ordnat lill-Avukat Ġenerali jħallas mitt elf ewro f’kumpens lil sid ta’ propjeta fil-Belt Valletta, wara li nstab li minħabba l-leġislazzjoni, kienu miċħuda d-drittijiet billi kien qed jitħallas renta baxxa ħafna.
Madanakollu, il-Qorti ma ordnatx l-iżgumbrament tal-inkwilini preżenti hekk kif huma kienu qed jirrispettaw il-liġi.
Il-każ infetaħ mis-sid Louis Apap Bologna kontra l-Avukat Ġenerali u l-inkwilin Karl Flores, b’rabta ma’ post fil-parti ta’ fuq fi Triq ir-Repubblika, magħrufa bħala McBaileys.
Fil-Qorti kien spjegat kif il-kera kienet ta’ ftit inqas minn żewġ ewro kuljum, filwaqt li stima li ta arkitett lil Apap Bologna kienet tammonta għal mitejn tlieta u tmenin ewro kuljum.