Organizazzjonijiet mhux governattivi ħarġu jitkellmu dwar ir-rakkomandazzjoni ta’ kumitat parlamentari konġunt, li l-morning after pill tingħata bir-riċetta tat-tabib biss.
Dawn flimkien qalu li d-deċiżjoni tal-Kumitat Parlamentari huwa riflessjoni ta’ gvernanza dgħajfa. Jemmnu li l-Kumitat irid iżomm l-istatus quo u li n-nisa jkunu trattati ta’ tfal żgħar li ma jistgħux jagħmlu deċiżjonijiet minn jheddhom dwar ġisimhom, it-tqala u ħajjithom.
Argumentaw li l-kontraċezzjoni ta’ emerġenza trid tittieħed malajr kemm jista’ jkun; massimu ta’ 72 siegħa wara l-att sesswali. F’pajjiż bħal Malta, fejn numru ta’ tobba u spiżjara esprimew l-oġġezzjoni tagħhom għat-teħid tal-pillola, ifisser li huwa diffiċli tikseb preskrizzjoni.
Jemmnu li r-rakkomandazzjonijiet jikkastigaw lill-aktar nisa vulnerabbli fis-soċjetà, jiġifieri vittmi ta’ stupru u inċest, nisa sfurzati fil-prostituzzjoni, u żgħażagħ.
Jemmnu wkoll li dan huwa pass favur inqas ugwaljanza, li jqiegħed lin-nisa f’sitwazzjoni fejn nisa jkollhom bżonn il-barka ta’ awtorità ogħla biex jieħdu deċiżjoni dwar ħajjithom.
Żiedu jgħidu li hemm biżżejjed evidenza li turi li l-edukazzjoni hija l-aktar għodda tajba, u mhux restrizzjonijiet,kastigi jew priedki.
Nisa Maltin m’għandhomx jaċċettaw dak li l-Parlament qiegħed jipproponi, għax dan ifisser umiljazzjoni u kontroll fuq in-nisa.
L-organizazzjonijiet li rreaġixxew fi stqarrija konġunta huma dawn:
Integra Foundation
The Critical Institute (TCI)
aditus foundation
Platform for Human Rights Organizations Malta (PHROM) Gender Liberation
Malta Gay Rights Movement (MGRM)
Organisation for Friendship in Diversity (OFD)