Il-kandidat Laburista għall-Parlament Ewropew Thomas Bajada ħareġ video “L-istorja tiegħek, tiegħi,” dwar l-importanza tal-awtentiċità fil-politika u l-parteċipazzjoni attiva tal-poplu, b’politika ibbażata fuq l-istorja tan-nies u l-ħtiġijiet tal-Maltin u l-Għawdxin.
Bajada jemmen li l-politika għandha tirrifletti l-istejjer tan-nies, li huma affetwati mill-liġijiet u d-deċiżjonijiet li jittieħdu. Jemmen li l-kliem għandu jirrifletti l-verità u l-azzjonijiet ikunu koerenti mad-dikjarazzjonijiet.
Thomas Bajada jsostni li ż-żgħażagħ mhux biss jafu x’jixtiequ imma huma wkoll lesti li jaġixxu biex jiksbu progress u opportunitajiet f’pajjiżhom. Hu jħeġġeġ lill-poplu sabiex bil-vot tiegħu jieħu azzjoni u jikkollabora sabiex jinkiseb il-futur mixtieq għal pajjiżna.
Il-kampanja taż-żagħżugħ Għawdxi hija sejħa għal politika li tirrifletti l-istejjer u l-ħtiġijiet reali tan-nies. Fost l-oħrajn, din il-kampanja tisħaq dwar l-importanza li nipproteġu l-identità Maltija, nispiraw liż-żgħażagħ sabiex jaħdmu għal-futur li jixtiequ, u li Għawdex jipprogressa lejn gżira ta’ opportunitajiet li tħaddan il-wirt kulturali u naturali tal-gżira.