Flimkien negħlbu l-mibegħda u t-terroriżmu. Dan kien il-messaġġ ewlieni fiċ-Ċentru Iżlamiku f’Raħal Ġdid, fejn qed jittella’ vġili biex ifakkar il-vittmi tal-attakk terroristiku fil-moskei fi Christchurch fi New Zealand, u biex juru l-gratitudni tal-komunità Musulmana għall-Gvern ta’ New Zealand għall-attitudni nobbli u ġusta tiegħu.
F’dan l-attakk li l-qattiel xandar b’mod dirett oneline, inqatlu ħamsin persuna, meta raġel Awstraljan daħal armat sa snienu f’żewġ moskei, u bla ħniena qatel lil kull min sab quddiemu.
Il-Prim Ministru ta’ New Zealand innutat li t-terrorist ried il-fama, u għaldaqstant spjegat li hi mhux se tpaxxih u ssemmi ismu.
Intant hawnhekk f’Raħal Ġdid għal dan il-vġili ġew mistednin nies ta’ kull fidi, twemmin politiku, mezzi tax-xandir u l-pubbliku inġenerali biex jattendu għal dan il-vġili. Fost l-oħrajn attenda d-Deputat Prim Ministru Chris Fearne. Hawnhekk l Imam El Sadi rringrazzja lil Prim Ministru Joseph Muscat talli kien minn tal-ewwel li kkundanna dawn l attakki terrorostiċi.
Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne spjega li f’dawn l-atti m’hemmx reliġjon, imma huma atti minn nies b’intenzjonijiet ħżiena. Att li kien kontra n-nies ta’ New Zealand u l-umanità.