F’indirizz li għamel fil-Parlament it-Tlieta filgħaxija dwar il-budget, il-Prim Ministru qasam viżjoni li għandu għall-għaxar snin li ġejjin.
Saħaq li l-budget li preżenta l-Gvern ma kienx biss wieħed ta’ reazzjoni għall-pandemija iżda primarjament huwa riflessjoni ta’ ruħ soċjali li għandu tant għal qalbu dan il-Gvern.
Qal li l-Gvern għandu viżjoni għall-għaxar snin li ġejjin imsejsa fuq ħames pilastri.
Il-Prim Ministru rrimarka kemm hu kburi bil-poplu Malti u Għawdxi.
Il-Prim Ministru Robert Abela semma diversi oqsma li l-Gvern qed jintensifika l-ħidma fuqhom fosthom l-ambjent.
Hawnhekk mhux biss semma ir-rivoluzzjoni ambjentali fit-twaqqif tal-importazzjoni ta’ prodotti ta’ single use plastics imma anki fuq l-inċentivi li ta l-Gvern biex iħajjar lin-nies jużaw vetturi li jniġġsu inqas.
Semma wkoll l-ispazji miftuħa fosthom li jikber il-park nazzjonali.
Dwar Għawdex, il-Prim Ministru wieġeb lill-Kap tal-Oppożizzjoni li skont hu, f’din il-gżira għaddejjin proġetti tal-virtual reality.
Sal-Ħadd stess, semma l-Prim Ministru, huwa mar iżur ix-xogħlijiet fuq iċ-ċentru akkwatiku.
Il-Prim Ministru fakkar fil-politika tal-Oppożizzjoni li titfa’ sieq ‘l hemm u ‘l hawn dwar il-proġett tal-mina.
Irrimarka li dan huwa Gvern li jiddeċiedi u se jara li dan il-proġett isir favur iżjed konnettività bejn iż-żewġ gżejjer.
Il-Prim Ministru tenna l-pożizzjoni ta’ pajjiżna dwar l-immigrazzjoni u qal li huwa kruċjali li jibqgħu jitwaqqfu l-wasliet, bis-soluzzjoni qiegħda fix-xtut Libiċi.
F’dan il-kuntest semma wkoll ir-ritorn ta’ immigranti li ma jkunx ħaqqhom l-ażil u r-rilokazzjoni ta’ immigranti oħra lejn stati membri oħra.
Il-Prim Ministru ma naqasx ukoll li jsemmi lin-nisa u l-kontribut li jistgħu jagħtu anki fil-politika.
F’diskors b’saħħtu, il-Prim Ministru qal li jrid jara l-eliminazzjoni sħiħa ta’ kull forma ta’ diskriminazzjoni.
F’diskors b’ton ta’ għaqda nazzjonali, il-Prim Ministru ta t-tama u l-kuraġġ lin-nies fejn saħaq li flimkien sejrin nibnu futur aħjar.