Meta l-Prim Ministru Joseph Muscat iltaqa’ mal-Konsli Onorarji għall-iskambju tal-awguri li jsir kull sena, irringrazzjahom tax-xogħol tagħhom biex flimkien komplejna ngħollu l-profil internazzjonali ta’ Malta.
Hawn il-Prim Ministru innota kif minkejja li mhux dejjem kulhadd jigbed l-istess ħabel f’ġieħ pajjiżna, b’hidma konġunta, isem pajjizna kompla jitla’ ‘l fuq, biex Malta ssir dejjem iżjed ċentru ta’ innovazzjoni u ta’ideat.
Innota kif din is-sena pajjiżna għandu quddiemu sfidi sbieħ, fosthom li l-Belt Valletta hija l-Belt kapitali Ewropea tal-Kultura; opportunità biex niċċelebraw l-arti u l-kultura, imma anke l-progress, is-solidarjetà u l-bidla socjali.
Dan kollu kien possibbli, qal il-Prim Ministru, għax tul l-aħħar sena ksibna suċċessi notevoli fosthom 200,000 persuna jaħdmu, u l-inqas qghad fl-istorja u fiż-żona Ewro.
Kisbiet li jħeġġu l-ħidma u l-viżjoni biex ikompli l-investiment fin-nies, biex Malta tkompli tkun ta’ ispirazzjoni għal oħrajn.
Minn naħa tiegħu, id-Dekan tal-Korp Konsolari Onorarju, is-Sur Godwin Bencini innota l-isfida tal-Presidenza Ewropea, li s-sena li għaddiet pajjizna wettaq b’suċċess, u sfidi oħra bħall-immigrazjoni, fejn innota fost l-oħrajn li l-Mediterran jista jkun baħar li jgħaqqad.
Tenna wkoll li huma se jkomplu b’ħidmiethom biex jissaħħaħ l-iskambju mad-diversi pajjiżi u komunitajiet li jirrapreżentaw.