Minkejja t-titjib pożittiv li għamel pajjiżna tul dawn l-aħħar snin, fadal x’isir. Qal dan id-deputat Laburista fit-tnedija tal-kampanja tiegħu għal kandidat ta’ mexxej Laburista tal-Parti Laburista Dr Robert Abela. Bit-tema ‘Flimkien ‘il quddiem’ Dr Abela spjega li għad baqa lok li iktar familji Maltin u Għawdxin igawdu minn għajxien aktar xieraq u diċenti u kwalità ta’ ħajja aħjar.
Id-deputat Laburista kompla jgħid li jinsab kommess li l-Gvern iwettaq rivoluzzjoni soċjali akbar minn dik li diġà kellna kemm il-darba jkun elett bħala mexxej tal-Partit Laburista. B’dan il-għan huwa elenka numru ta’ prijoritajiet fosthom il-kwistjoni ta’ Housing, l-anzjani, il-pagi u l-ambjent.
“Flimkien ‘il quddiem għal rivoluzzjoni soċjali fil-qasam ta’ housing affordabli għal kulħadd, mediċini b’xejn għal penzjonanti kollha, u mediċini kollha b’xejn għal penzjonanti taghna. Kif ukoll rivoluzzjoni soċjali fil-qasam tal-impjiegi fejn ikolna l-prinċipju tal- ħlas indaqs għal xogħol ta’ valur ugwali li jgħodd għall kulħadd, kemm fil-privat kif ukoll fil-gvern, kemm f’dak li huwa paga bażika kif ukoll fil-benefiċji l-oħra kollha li joħorġu mil-impjieg. Ejjew ħalli nagħmluha flimkien.”
Dr. Abela temm jgħid li l-għaqda hija importanti, kemm fuq livell ta’ Partit kif ukoll nazzjonali. Dan hekk kif hu mhux jimponi l-ebda idea iżda jaqbel ma deċiżjoni meħuda wara konsultazzjoni sabiex verament inkomplu mexjin flimkien ‘il quddiem.