Illum saret l-ewwel l-ewwel konferenza għall-parteċipazzjoni bejn l-Għaqdiet Mhux Governattivi (NGOs) u s-settur tas-saħħa. Il-Ministru Chris Fearne qal li ż-żewġ setturi għandhom jaħdmu flimkien biex jegħlbu l-isfidi.
“L-isfidi fis-settur tas-saħħa mhumiex ftit u għalhekk huwa ta’ inkoraġament għalija li nkun naf li hawn daqshekk għaqdiet u persuni li ħafna drabi anke b’mod volontarjat qegħdin jaħdmu għall-ġid tal-pazjent. F’dan is-settur għandna naħdmu id f’id u nsaħħu l-kollaborazzjoni, biex flimkien negħlbu l-isfidi li għandna,” qal il-Ministru Fearne.
Il-Ministru tkellem dwar l-importanza tal-konsultazzjoni pubblika u qal li kull darba li f’dawn l-aħħar tliet snin ġiet imfassla stateġija ngħatat l-importanza li jixraqilha l-konsultazzjoni pubblika.
Fearne qal li din il-konferenza mhux se tkun l-ewwel u l-aħħar tax-xorta tagħha, iżda se ssir ħidma biex jibqa’ jinżamm kuntatt ħaj.
“Għandna bażi soda fuq hiex naħdmu – l-NGOs f’dan il-qasam huma teżor,” qal il-Ministru Chris Fearne filwaqt li rringrazzja lill-għaqdiet kollha li pparteċipaw f’din il-konferenza.