Il-ġgant tan-negozju fl-Italja, Flavio Briatore, meqjus bħala wieħed mill-akbar u l-aqwa negozjanti fid-dinja, spjega li biex jiġi miġġieled il-faqar kollox essenzjalment jaqa’ fuq l-ammont ta’ impjiegi disponibbli għall-poplu.
Hu qal dan waqt li kien qed jiġi intervistat fuq podcast Taljan fl-Italja, li xxandar fl-aħħar jiem.
Fil-fatt, Briatore kien qed jitkellem fuq is-sitwazzjoni tan-negozji fl-Italja fejn irrimarka x-xkiel li hemm biex jinħolqu aktar impjiegi u b’hekk titjieb l-ekonomija tal-pajjiż.
Kien hawn li Briatore sostna l-importanza tal-ħolqien tal-impjiegi biex jiġi miġġieled il-faqar.
“In Italie c’e un’avversità nei confronti delle aziende, nei confronti di chi crea aziende. Perché la povertà si combatte solo trovando i posti di lavoro.” (“Fl-Italja hemm konflitt mal-ażjendi, fil-konfront tal-ħolqien tal-ażjendi. Għax il-faqar jista’ jiġi miġġieled biss billi jinstabu l-postijiet tax-xogħol”.)
“La povertà tu la elimini dando, creando dei posti di lavoro, dando alla gente la possibilità di essere felice. E se tu sei felice e solo se c’hai un lavoro. Ma qui per fare un aziende, ma c’e un complicazione che in altri paesi non esiste.” (“Il-faqar teliminah billi tagħti, billi toħloq il-postijiet tax-xogħol, billi tagħti lin-nies il-possibilità li jkunu kuntenti. U jekk int kuntent hu biss għax għandek ix-xogħol. Iżda hawn (fl-Italja) biex toħloq in-negozju, hawn kumplikazzjoni li pajjiżi oħrajn ma teżistix”.)
In-negozjant Taljan qal dan fi sfond ta’ sentejn mill-aktar diffiċli fil-qasam tax-xogħol fl-Italja hekk kif bejn l-2020 u l-2021 ir-rata tal-qgħad fl-Italja kibret sew.
Fil-fatt, fis-sena tal-pandemija, jiġifieri fl-2020 jirriżulta li fl-Italja intilfu aktar minn 720,000 impjieg.
Minkejja li f’ħafna pajjiżi fl-2021, ir-rata tal-qgħad irpiljat sew, fl-Italja din tjiebet biss b’0.6% u r-rata tal-qgħad fi tmiem is-sena kienet ta’ kważi 60% jew 10.2% aktar mill-medja Ewropea.
Dan b’differenza għal pajjiżna fejn miżuri f’waqthom mill-Gvern matul il-pandemija u anke issa bil-Gwerra fl-Ukrajna salvaw għal kollox is-suq tax-xogħol, tant li llum Malta għandha l-inqas rata ta’ qgħad fl-istorja tagħha.
Id f’id ma’ dawn il-miżuri jmur ukoll it-tkabbir tal-ekonomija ta’ pajjiżna li jwassal biex jinħolqu aktar impjiegi u b’hekk aktar persuni jidħlu fid-dinja tax-xogħol, tant li anke l-investimenti baqgħu jiżdiedu b’mod sinifikanti.
Minn tagħrif, li ħareġ fil-Parlament fl-aħħar xhur, jirriżulta li fl-aħħar tal-2022 is-settur privat kien qed jimpjega d-doppju tal-ħaddiema li l-pajjiż kellu għaxar snin ilu.
Fil-fatt, sa Ġunju tal-2022, pajjiżna kien qed jimpjega aktar minn mitejn elf ħaddiem, bis-settur pubbliku jimpjega ftit iktar minn 50,000 ħaddiem.
L-argument ta’ Briatore dwar l-importanza li jinħolqu aktar impjiegi biex jiġi miġġieled il-faqar, kien ukoll fiċ-ċentru tal-ħidma politika ta’ dan il-Gvern, taħt it-tmexxija tal-Prim Ministru Robert Abela.
Tixhed dan statistika uffiċjali li turi kif mill-2019 ’il hawn kien hemm żieda ta’ kważi 8,500 negozju fl-ammont sħiħ f’pajjiżna. Dan ifisser medja ta’ kważi tmien negozji ġodda ma’ kull ġurnata.
Din il-qabża importanti seħħet minkejja li f’dawn is-snin pajjiżna għadda mill-agħar pandemija fi 80 sena u mis-sena li għaddiet kellu jiffaċċja l-impatti devastanti tal-Gwerra fl-Ukrajna.
Fl-istess ħin, minkejja l-proċedura tal-Financial Action Task Force (FATF) bejn l-2021 u l-2022, li skont it-tbassir tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista kienet se ġġib katastrofi fis-settur finanzjarju, is-servizzi professjonali u l-gaming, Malta esperjenzat tkabbir anke hawnhekk.
F’dawn is-setturi kien hemm żieda ta’ kważi 2,400 negozju jew madwar żewġ negozji addizzjonali kuljum.