It-Tlieta, seduta tal-Parlament Serb f’Belgrade ħadet xejra vjolenti hekk kif membri tal-oppożizzjoni tefgħu flares wara ġlieda li ħalliet nies feruti.
Waqt din is-seduta, membri minn naħa tal-oppożizzjoni bdew jinterrompu d-diskussjoni animata hekk kif tefgħu flares u grenades tad-duħħan.
Dan l-inċident, li kien ikkontrollat minn membri tas-sigurtà u ġiet evitata ġlieda akbar, wasal wara li uħud mill-membri parlamentari kienu nvoluti fi ġlieda li interrompiet is-seduta.
Sadanittant, l-iSpeaker tal-Kamra Ana Brnabic stiednet lill-Membri Parlamentari sabiex jirritornaw lura f’posthom u jkomplu bil-ħidma tal-Parlament.
Qabel dan l-inċident, membri mil-gvern ta’ koalizzjoni ipproponew li jiġu addottati sensiela ta’ liġijiet li jagħtu konċessjoni lil studenti u żagħżagħ u mbagħad biss jirrikonoxxu r-riżenja tal-Prim Ministru Milos Vucevic u għalhekk il-kollass tal-kabinet tiegħu.
L-oppożizzjoni oġġezzjonat għal dan, hekk kif sostnew li ma kinitx tagħmel sens li jiġu addottati liġijiet ġejjin minn gvern li l-Prim Ministru tiegħu kien irriżenja fejn hawn inqagħlet il-ġlieda bl-ispeaker tinħasel bl-ilma.
L-ispeaker qalet li waħda mill-Membri Parlamentari, Jasmina Obradovic, b’konsegwenza ta’ dan l-inċident, kienet soffriet attakk ta’ puplesija u kienet tinsab fi stat gravi.
Membru oħra, li għandha tmien xhur tqala, ukoll sofriet xokk qawwi.
Is-sessjoni kienet ukoll ġiet interrotta permezz ta’ ħornijiet tal-vuvużela.
Vucevic kien irriżenja fl-aħħar ta’ Jannar wara xhur ta’ protesti mmexxija minn studenti konsegwenza ta’ inċident li kien seħħ fi stazzjon tal-ferrovija f’Novembru u li ħalla ħmistax-il persuna mejta.
Wara l-inċident fil-Parlament, numru ta’ dimostranti nġabru quddiem il-Parlament fil-belt kapitali tas-Serbja u mblukkaw wieħed mill-vjali prinċipali ta’ Belgrad.