Il-Prim Ministru Robert Abela ltaqa’ mar-rappreżentanti tal-Assoċjazzjoni tal-Lukandi u r-Ristoranti, l-MHRA, bil-għan li jkompli jisma’ ideat u proposti li se jħejju lil Gvern ifassal il-budget għas-sena d-dieħla.
Il-Prim Ministru qal kif permezz tal-Pjan ta’ Riġenerazzjoni Ekonomika, il-wage supplement, l-inċentivi marbuta mal-kontijiet tad-dawl u l-ilma u l-vouchers fost oħrajn, il-Gvern wieżen bil-bosta l-industrija tat-turiżmu li kienet l-iktar industrija milquta mill-pandemija.
Dr Abela saħaq li kien propju ma’ din l-assoċjazzjoni li twieled il-kunċett tal-wage supplement, li fissret li ġew issalvagwardjati eluf ta’ impjiegi.
Il-Prim Ministru spjega wkoll li l-Gvern se jibqa’ jagħti l-appoġġ tiegħu anke permezz tal-Pjan ta’ Rkupru li se jkun qed igawdu minnu l-Istitut għall-Istudji Turistiċi.
Min-naħa tiegħu, il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Lukandi u r-Ristoranti, l-MHRA, Tony Zahra ddeskriva l-pandemija bħala xokk kbir għall-industrija tat-turiżmu u kif grazzi għas-sostenn tal-Gvern ġew salvati numru sostanzjali ta’ impjiegi filwaqt li bdiet it-triq għall-irkupru.
Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana, il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo, u l-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri.