F’laqgħa li kellu fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru Robert Abela kompla jisħaq fuq l-importanza li pajjiżna jkollu settur turistiku sostenibbli u ta’ kwalità.
Dr Abela ddiskuta dan is-settur mar-rappreżentanti tal-lukandi u r-restoranti f’pajjiżna bħala parti mill-laqgħat ta’ konsultazzjoni ta’ qabel il-baġit. Fil-fatt, hu tkellem mal-Assoċjazzjoni għal-Lukandi u r-Restoranti, l-MHRA, filwaqt li f’laqgħa oħra mal-Unjin Ħaddiema Magħqudin, il-UĦM, ġie diskuss it-tisħiħ tas-suq tax-xogħol.
Mal-MHRA, il-Prim Ministru ddiskuta, fost l-oħrajn, ir-riformi fis-settur turistiku li mistennija jidħlu fis-seħħ fiż-żmien li ġej.
Dr Abela qal li llum nistgħu nitkellmu fuq turiżmu ta’ kwalità, għax irkuprajna b’saħħa wara l-pandemija. Qal li issa, biex ninvestu fil-kwalità, ma nistgħux nagħtu xokkijiet lis-settur u għalhekk li l-Gvern se jibqa’ jżomm il-prezzijiet tal-enerġija stabbli.
Il-Prim Ministru ddeskriva din id-deċiżjoni bħala kruċjali għall-operat tal-lukandi u r-restoranti f’pajjiżna. Semma l-investiment fil-ħiliet tal-ħaddiema f’dan is-settur u kif dan se jwassal għal kwalità fis-servizz mogħti fl-industrija. Hawnhekk irrefera għar-riforma tal-iSkills Passport li se tkun qed tassigura dan.
Fil-fatt deċiżjoni li ħa l-Kabinett se tfisser li ħaddiema fis-settur turistiku jgħaddu minn kors speċifiku qabel jingħataw permess biex jaħdmu f’pajjiżna u dan bil-għan ukoll li nsaħħu l-prodott Malti u Għawdxi offrut lit-turisti u lill-konsumaturi f’pajjiżna.
Dwar il-linja nazzjonali tal-ajru qal li anke hawn ittieħdu d-deċiżjonijiet li kellhom jittieħdu. “Kellna l-kuraġġ li nieħdu d-deċiżjonijiet fl-interess ta’ pajjiżna,” saħaq Dr Abela.
Aspett ieħor tal-kwalità fis-settur turistiku hu ż-żamma tal-pajjiż. Hawnhekk il-Prim Ministru ħabbar li biex il-prodott turistiku jkompli jitjieb se jsir investiment kapitali ta’ €5 miljun f’fondi Ewropej f’makkinarju tat-tindif. B’hekk il-kwalità tkun preżenti mhux biss fl-għoti tas-servizz, imma fil-post li fih jingħata s-servizz.
Fil-laqgħa mal-UĦM, Dr Abela stqarr li l-Gvern qiegħed jaħdem kemm fuq miżuri għall-preżent kif ukoll fuq oħrajn li jaħsbu fit-tul, b’rabta mas-suq tax-xogħol bil-għan li l-ħaddiema jkollhom il-ħiliet neċessarji filwaqt li tinżamm r-rata tal-qgħad ta’ pajjiżna fost l-inqas fiż-Żona Ewro.
Robert Abela stqarr dan, filwaqt li żvela kif il-Baġit għas-sena d-dieħla se jkun wieħed li jikkonsolida u jkompli jsaħħaħ l-ekonomija, fosthom billi jkun ta’ sostenn għan-negozji u fl-istess waqt jibqa’ jwieżen lill-ħaddiema u lill-familji.
Għal-laqgħat ta’ konsultazzjoni attendew id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne, il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol, Clyde Caruana, il-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo, il-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri, il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur, Julia Farrugia Portelli, is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali, Andy Ellul, u d-Deputati tal-Gvern Ray Abela u Davina Sammut Hili.