Il-Gvern se jkompli bil-politika li ma jimponix piżjiet fuq in-negozji u jagħti sostenn kemm jista’.
Saħaq dan il-Prim Ministru Robert Abela f’laqgħa ta’ qabel il-budget mal-Assoċjazzjoni Maltija ta’ Min Iħaddem, f’Kastilja.
Mal-MEA, il-Prim Ministru rrijaferma l-impenn li fuq pjan ta’ ħames snin, il-Gvern inaqqas il-piż tat-taxxa fuq in-negozji u jdaħħal inċnetivi ġodda għal min jinvesti u joħloq ix-xogħol f’pajjiżna.
Dr Abela fakkar li l-Gvern Malti huwa l-unika fl-Ewropa li qed iġorr il-piż taż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija u l-fjuwil. B’dan ifisser li n-negozji f’Malta baqgħu kompetittivi.
Il-Prim Ministru Robert Abela qal li fil-pjan li għandu l-Gvern hemm għan li ntejbu l-kwalità tal-ħajja u dan se jfisser li nsaħħu drittijiet ġodda għall-ħaddiema, kif diġà sar fl-aħħar xhur.
Dr Abela fisser din il-prijorità bħala bidla meħtieġa għall-ekonomija f’kuntest ta’ bidliet kbar oħra li rridu nagħmlu bħala pajjiż minħabba d-diġitalizzazzjoni u t-tibdil fil-klima.
Min-naħa tagħha, il-President tal-MEA Joanne Bondin saħqet ukoll fuq il-ħtieġa li nsaħħu s-settur tax-xogħol billi ntejbu l-ħiliet tal-ħaddiema.
Filwaqt li l-MEA preżentat il-proposti tagħha, għarfet l-għajnuna li qed jagħti l-Gvern fis-settur tal-enerġija u li biha qed ikun ta’ spalla għan-negozji u fuq kollox il-familji, li jaqilgħu l-għajxien minn min jagħtihom ix-xogħol.
Għal din il-laqgħa kien hemm preżenti wkoll il-Ministri Clyde Caruana u Silvio Schembri, is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul u d-Deputat tal-Gvern Rosianne Cutajar.