“Fil-jiem li ġejjin ser inkomplu nirrilaxxaw iżjed miżuri u nkomplu nersqu lejn sitwazzjoni ta’ normalità kif nafuha fejn kulħadd ikun responsabbli hu ta’ kif jieħu ħsieb tiegħu nnifsu.”
Hekk beda l-kummenti ta’ introduzzjoni l-Prim Ministru Robert Abela f’laqgħa li kellu mal-Kamra tal-Kummerċ fil-Berġa ta’ Kastilja.
Il-Prim Ministru stqarr kif issa l-Gvern ser jara li kull settur jilħaq rati ta’ qabel il-pandemija bi prospetti għar-rebbiegħa u s-sajf li huma sbieħ.
Filwaqt li nnota kif il-Gvern ser ikun qed iżid il-fondi huwa qal kif hemm il-bżonn ta’ bidla fil-kultura tas-soċjetà Maltija sabiex jintlaħqu l-miri sostenibbli.
Innota wkoll kif element importanti ser ikun dak dwar il-politika tax-xogħol u l-importanza li jkollna titjib fil-ħiliet fost il-ħaddiema.
Hawnhekk saħaq kif il-Gvern ser ikompli jkun dak tal-inċentiv u mhux tal-kastig.
Il-President tal-Kamra tal-Kummerċ Marisa Xuereb bdiet billi nnotat kif huwa evidenti li kien hemm ħafna ħsieb wara l-għażla tal-Kabinett il-ġdid mill-Prim Ministru Robert Abela.
Dan b’bilanċ tajjeb bejn nies ta’ esperjenza u li jistgħu joffru kontinwità u l-introduzzjoni ta’ uċuħ ġodda.
Dan iddeskrivietu bħala l-ewwel sinjal pożittiv tat-tmexxija ta’ Robert Abela f’din il-leġislatura.
Fost l-oħrajn Xuereb tkellmet dwar l-importanza ta’ bilanċ bejn l-iżvilupp u l-ippjanar u l-bżonn ta’ riforma massiċċa fl-edukazzjoni.
Dan filwaqt li ġeddet l-impenn tal-Kamra tal-Kummerċ li mhux biss tipproponi iżda tgħin lill-Gvern fl-implimentazzjoni.
Preżenti għal-laqgħa f’isem il-Gvern kien hemm ukoll il-Ministri Clyde Caruana, Miriam Dalli u Silvio Schembri.