Il-Prim Ministru Robert Abela laqa’ f’Kastilja lill-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel.
Flimkien idduskutew żewġ suġġetti ewlenin; l-immigrazzjoni u l-governanza tajba.
Dwar l-immigrazzjoni, il-Prim Ministru qal li xena ta’ dgħajjes mil-Libja resqin lejn Malta hija realtà li pajjiżna jaffaċċja kuljum.
Bi pjaċir innota dak li qalet il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula Von Der Leyen l-Erbgħa filgħodu u laqa’ l-fatt li s-suġġett qed jerġa’ jkun fuq l-aġenda tal-ogħla istituzzjonijiet fl-Unjoni Ewropea.
Il-Prim Ministru kien ċar. Pajjiżna ma jiflaħx aktar immigranti. Qal li n-numru ta’ immigranti li ġew rilokati fl-aħħar jiem huwa tajjeb imma mhux biżżejjed.
Innota li m’hemmx soluzzjoni ħolistika għal din il-kriżi allura qed ikun hemm pjan adhoc għal kull dgħajsa li tersaq lejn Malta.
Il-Prim Ministru Abela qal: “Yes we do indeed favour human and humane approach but there are realties which we face each and every day, our capacity for receiving further migrants is over the top and we are full – I am being categorical on this – we have no more space on this island to receive further migrants. Yes, there has been help relative to relocations by a number of other EU Member States, the number of relocations was good to a certain extent, definitely not enough and I do believe that more needs to be done!”
Semma l-bastiment Etienne Maersk u nnota li fuqu kien hemm sebgħa u għoxrin immigrant. Qal li kieku kull stat membru qabel li jieħu immigrant wieħed biss, il-kwistjoni kienet tissolva, imma minflok dawn l-immigranti tħallew għal jiem sħaħ bejn sema u ilma.
Il-Prim Ministru nnota li fl-aħħar xhur, il-Libjani ħarġu b’aktar soluzzjonijiet mill-Unjoni Ewropea.
B’ton skjett, il-Prim Ministru qal li s-soluzzjoni mhix li nirċievu aktar flus biex nakkomodaw aktar immigranti imma għandna bżonn soluzzjoni fit-tul. Qal li Malta temmen li jekk l-istati membri kollha jingħaqdu flimkien, tinstab soluzzjoni.
Dwar il-governanza t-tajba, il-Prim Ministru Robert Abela qal li kif anki hawn il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula Von Der Leyen irrikonoxxiet li fl-aħħar xhur sar progress kbir.
Semma l-progress li sar fejn jidħlu r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja, minkejja li kien hemm ċertu limitazzjonijiet minħabba l-imxija. Qal li minn dejjem emmen li dawn kellhom jiġu implimentati għax jemmen li s-saltna tad-dritt hija l-bażi tad-demokrazija moderna.
Il-Prim Ministru qal li dawn mhumiex bidliet kożmetiċi imma bidliet li jmorru verament fil-qalba tas-sistema tradizzjonali ta’ pajjiżna.
Dr Abela sostna: “Our intention was to strengthen the independence of the judiciary to strengthen the system of checks and balances and improve our institutional framework. To achieve this we embarked on a process and engagement with the Venice Commission, a process which was indeed intensive considering also the fact that we were indeed limited by the restrictions imposed on us by Covid-19. We also engaged in discussions with the Opposition, with the local Opposition and other stakeholders. The process of dialogue was a successful one and, the process of engagement with the Venice Commission led to a successful outcome and we also wanted to ensure to have fast process.”
Min-naħa tiegħu, il-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel qal li l-kwistjoni tal-immigrazzjoni hija sfida għal kulħadd u qabel mal-Prim Ministru Malti li hemm bżonn li jittieħdu d-deċiżjonijiet.
Semma prijoritajiet li għandha l-Unjoni Ewropea fosthom il-ħarsien tal-fruntieri, iktar koperazzjoni ma’ pajjiżi terzi u t-tisħiħ fil-proċess tal-ażil.
Qal illi jekk jinstab bilanċ bejn dawn it-tliet prijoritajiet ikun hemm aktar stabilità u sigurtà fil-Mediterran.
Dwar il-governanza t-tajba, Charles Michel irrikonoxxa l-isforzi tal-Gvern Malti li qed juri bil-fatti li l-governanza t-tajba hija fuq nett ta’ ħidmietu.
Dan permezz ta’ riformi bla preċedent.