F’laqgħa bilaterali bejn il-Prim Ministru Robert Abela u l-President tal-Parlament Ewropew David Sassoli ġew diskussi l-bidliet kbar u riformi bla preċedent li għamel il-Gvern Malti biex tkompli tissaħħaħ is-saltna tad-dritt, kif ukoll biex l-istituzzjonijiet ikunu aktar effettivi fit-twettiq tal-ġustizzja.
Waqt din il-laqgħa, il-Prim Ministru Robert Abela stieden lill-President tal-Parlament Ewropew u lil Kapijiet tal-gruppi politiċi fi ħdan il-Parlament Ewropew għal żjara uffiċjali f’Malta.
Dan sabiex ikollhom viżibbiltà aktar ċara tal-bidliet bla preċedent li wettaq il-Gvern Malti għat-tisħiħ tas-saltna tad-dritt.
Il-Prim Ministru Robert Abela spjega r-riformi li twettqu wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni Venezja u proċess parlamentari.
Huwa elenka l-bidliet li ġew implimentati biex tiġi miġġielda l-kriminalità u l-ħasil tal-flus.
Il-Prim Ministru tenna li hu kommess li jkompli jwettaq dawn ir-riformi.
Il-President tal-Parlament Ewropew irrikonoxxa li l-Gvern Malti wettaq ħidma bla preċedent fil-qasam tal-ġustizzja u fl-isforzi tiegħu f’dan is-settur.
Ritratt: OPM