“Nitlob biex il-paċi ta’ Kristu tidħol f’ħajjitkom, fid-djar tagħkom u fil-pajjiżi kollha tad-dinja.”
Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku fl-Urbi Et Orbi mill-gallerija ewlenija tal-Bażilika ta’ San Pietru, fil-Vatikan, propju f’jum l-akbar festa liturġika tal-Kattoliċi, l-Għid il-Kbir.
Quddiem madwar ħamsin elf persuna li mlew Pjazza San Pietru, Papa Franġisku awgura l-Għid qaddis lil kulħadd.
Fid-dawl tal-gwerra fl-Ukrajna, l-Isqof ta’ Ruma, bħalma għamel f’okkażżjonijiet oħra, wassal messaġġ b’saħħtu favur il-paċi, fejn qal li f’jum li suppost kellu jkun ta’ ferħ għal kulħadd, hemm min qed imut u jbati l-vjolenza.
F’mument profond il-Papa talab għall-miljuni ta’ refuġjati, għat-tfal li spiċċaw orfni, għall-anzjani u għal dawk li spiċċaw waħedhom minħabba l-kunflitti.
Hawnhekk huwa wassal appell qawwi lill-mexxejja dinjija sabiex dejjem jaħdmu favur il-paċi.
Ma naqasx ukoll li fl-Għid il-Kbir, il-Papa Franġisku jitlob ukoll għall-paċi f’Ġerusalemm, l-Iraq, il-Libja, fil-Yemen, l-Afganistan, il-Myanmar u l-Etjopja.
Il-Papa fakkar ukoll il-vittmi kollha li mietu kawża ta’ diżastri naturali fl-aħħar ġimgħat u anke dawk li mietu bil-Covid-19.
Is-Suċċessur ta’ Pietru temm billi qal kif “il-paċi tirbaħ dejjem, il-paċi hija possibli, il-paċi huwa dmir u l-paċi hija r-responsabbiltà ta’ kull uman.”
Il-Papa Franġisku temm l-Urbi et Orbi billi ta l-barka lil dawk preżenti fl-isfond tal-innu tal-Vatikan.