Din il-ġimgħa l-prezz medju tal-petrol fl-Unjoni Ewropea tela’ minn €1.37 kull litru għal €1.38. Dak tad-diesel tela’ għal €1.25 minn €1.24.
L-ogħla żidiet kienu fil-Greċja, fejn il-petrol għola għal €1.55 minn €1.50 l-ġimgha li għaddiet, mentri d-diesel għola minn €1.19 għal €1.28.
Fil-Belġju l-prezz tal-petrol tela 4ċ minn €1.35 għal €1.39, filwaqt li d-diesel tela’ bi 3ċ, jew minn €1.25 għal €1.28.
Fi Franza l-prezz tad-diesel żdied b’5ċ, minn €1.22 għal €1.27, mentri l-petrol għola 2ċ din il-ġimgħa minn €1.39 għal €1.41.
Skont tagħrif tal-Kummissjoni Ewropea hemm 13-il pajjiż bi prezz tal-petrol ogħla minn Malta.
Il-prezz f’pajjiżna huwa orħos minn dak imħallas minn 352 miljun Ewropew, jew 7 minn kull għaxar Ewropej. Id-diesel huwa orħos minn 15-il pajjiż b’popolazzjoni ta’ 361 miljun, jew 7 minn kull għaxar Ewropej.
Il-prezz medju tal-petrol fl-Unjoni Ewropea jlaħħaq il-€1.38, 7ċ ogħla minn Malta, mentri d-diesel huwa €1.25, 7ċ aktar minn pajjiżna.
L-ogħla prezz tal-petrol huwa €1.57 fl-Olanda, jew 26ċ ogħla minn Malta, mentri l-ogħla prezz tad-diesel huwa €1.48 fl-Iżvezja, jew 30ċ ogħla minn Malta.
L-istatistika tal-Kummissjoni tindika li mindu bdiet din l-amministrazzjoni f’Malta l-prezz tal-petrol u d-diesel naqas b’13% u 16% rispettivament. Fl-UE, it-tnaqqis fil-petrol u fid-diesel kien ta’ 12%. B’kuntrast tul l-amministrazzjoni preċedenti, il-petrol kien għola b’36% u d-diesel b’35%. Dan meta fl-UE tul l-istess żmien iz-żieda kienet ta’ 21% fil-petrol u ta’ 17% fid-diesel.