Malta astjeniet fil-vot fuq ftehim dwar il-politika Ewropea dwar il-migrazzjoni u l-ażil wara li ħasset li l-ftehim kif inhu ma jserraħx ras pajjiżna li l-bżonnijiet tiegħu se jkunu indirizzati f’każ li jkollu bżonn l-għajnuna minħabba wasliet ta’ migranti li joħolqulu sitwazzjoni ta’ kriżi.
Il-vot ittieħed f’laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri tal-Intern tal-Istati membri tal-Unjoni Ewropea fil-Lussemburgu, li għaliha f’isem Malta attenda l-Ministru Byron Camilleri.
Il-ftehim għadda wara snin twal li matulhom il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea ma setgħux jaraw għajn m’għajn dwar il-politika tal-migrazzjoni u tal-ażil tal-Unjoni. Kien tliet snin ilu li l-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, ħabbret il-Pjan tal-Unjoni Ewropea dwar dan is-suġġett.
Il-ftehim iħejji t-triq biex jiddaħħlu regoli ġodda biex il-proċess li bih dawk li jkunu qed ifittxu l-ażil jintlaqgħu u jiġu rrilokati jsir b’mod kollettiv.
Il-Ministru Camilleri qal lil ONE News li pajjiżna ħadem flimkien mal-pajjiżi Ewropej tal-Mediterran biex jaslu għal ftehim aħjar minn dak li ġie mqiegħed għall-vot. Għaldaqstant, Malta ħasset li kellha tastjeni bil-ħsieb li l-patt jittejjeb fil-proċess li jmiss.
F’diskors li għamel lill-Kunsill, il-Ministru Camilleri spjega li, minħabba ċ-ċokon tagħha, is-sitwazzjoni ta’ Malta hija differenti minn dik ta’ pajjiżi Ewropej oħrajn.
Il-Ministru qal li r-riforma f’dan is-settur trid tilħaq bilanċ bejn il-piżijiet ġodda li se jkollhom iġorru pajjiżi li jinsabu fil-fruntiera, fosthom Malta, u s-solidarjetà mill-Istati membri l-oħrajn f’ċirkostanzi partikolari. Sostna li b’dan il-ftehim m’hemmx bilanċ tajjeb bejn ir-responsabbiltà u s-solidarjetà.
Il-Ministru għall-Intern Malti nnota b’dispjaċir li l-proċeduri diskussi mhux se jindirizzaw l-isfidi, anki fid-dawl ta’ żieda fl-immigranti lejn l-Unjoni Ewropea.
Dr Camilleri sostna li, sabiex tiġi indirizzata din l-isfida, irid ikun hemm arranġamenti ma’ pajjiżi terzi.