Numru ta’ bliet fl-Ungerija qed jagħlqu faċilitajiet u binjiet pubbliċi minħabba ż-żieda enormi fil-kontijiet tal-enerġija.
Bosta faċilitajiet, bħat-teatri, spas, pixxini, libreriji, mużewijiet u postijiet fejn jiġu prattikati dixxiplini sportivi differenti sfaw magħluqa minħabba l-kriżi.
Is-sit Euronews ta eżempju bil-Belt ta’ Szeged ,li għandha populazzjoni ta’ aktar minn 160,000 persuna u li, fid-dawl ta’ din il-kriżi, kellha tissikka ċ-ċintorin.
Fil-fatt il-Viċi Sindku qal li l-kontijiet tal-gass għolew bil-qawwa u li l-gvern ċentrali mhu jagħmel xejn biex itaffi minn dan l-impatt.
Bliet oħrajn fl-Ungerija qed jesperjenzaw sitwazzjonijiet simili.
Iċ-ċittadini qed jgħidu kif is-sitwazzjoni hija waħda kerha u mistennija tmur għall-agħar.
Il-kapitali Ungeriża, Budapest, ħalliet il-faċilitajiet pubbliċi miftuħa iżda s-settur privat qed jgħid li qed ibatu ħafna minħabba l-piżijiet ta’ din il-kriżi.
Il-ġimgħa li għaddiet, l-akbar lukanda fl-Ungerija, b’499 kamra, ħabbret li se tagħlaq il-bibien tagħha u terġa’ tiftaħ f’Marzu li ġej.