L-uffiċċju tan-notifiki tat-twelid u l-imwiet li Identity Malta għandha fl-Isptar Mater Dei nfetaħ mill-ġdid.
Dan wara li tul l-imxija, Identity Malta kienet proattiva u pprovdiet arranġamenti sabiex dawn in-notifiki jkunu jistgħu jsiru bil-posta.
L-uffiċċju joffri wkoll assistenza lill-pubbliku dwar xi diffikultà li jista’ jkollu b’rabta mas-servizzi tar-Reġistru Pubbliku kif ukoll servizz ta’ passaport ta’ emerġenza għal trabi jew tfal taħt it-tliet snin li jkollhom bżonn ta’ kura urġenti barra minn Malta.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Identity Malta Anton Sevasta spjega li sa mill-ftuħ tiegħu f’April tal-2018, l-uffiċċju rreġistra żieda sostanzjali fit-talbiet għas-servizzi li jagħti.
Huwa spjega: “Dan l-uffiċċju kemm ilu miftuħ madwar sentejn ilu rajna madwar 80% reġistrazzjonijiet tat-twelid u madwar 45% reġistrazzjonijiet tal-imwiet.”
Sevasta qal li permezz ta’ taħriġ apposta li l-aġenzija tat lil impjegati ta’ djar residenzjali f’Malta u fir-Residenza San Vinċenz de Paule, notifiki ta’ mewt li jseħħu f’dawn id-djar se jkunu jistgħu jsiru hemmhekk stess.
Dan filwaqt li fil-ġimgħat li ġejjin in-notifiki ta’ twelid u ta’ mewt se jkunu jistgħu jibdew isiru online.
B’riżultat ta’ dan ġew proċessati 350 notifika ta’ twelid u 100 notifika ta’ mewt li waslu f’dan l-uffiċċju bil-posta.
Is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza Alex Muscat qal li l-impjegati ta’ Identity Malta jinsabu fuq quddiem nett sabiex ikunu spalla ma’ spalla ma’ nies li jkunu qed jgħixu dawn il-mumenti partikolari f’ħajjithom.
Huwa stqarr: “Minflok li jkollu jirrikorri għall-uffiċċji fil-Belt jew l-Imsida qed jinqeda mill-Isptar stess. Allura qed naraw kif Identity Malta qed toħroġ iktar mill-uffiċċji tagħha u qed tagħti servizzi aħjar fil-komunità.”