Ħadd ma weġġa’ f’nirien kbar, li ħakmu kontejners tal-ħażna fl-inħawi tal-Qasam Industrijali f’Tal-Ħandaq. Il-każ seħħ fi Triq Tal-Ħandaq għall-ħabta ta’ nofsinhar, meta minn diversi bnadi madwar il-pajjiż bdiet tidher daħna kbira.
Pumpieri tal-Protezzjoni Ċivili mexxew operazzjoni delikata b’diversi vetturi tat-tifi tan-nar, li bdew ġejjin u sejrin b’tunellati sħaħ tal-ilma, biex jikkontrollaw u jitfu n-nirien.
Fuq il-post kien hemm preżenza qawwija ta’ uffiċjali tal-Pulizija u membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili biex jikkontrollaw is-sitwazzjoni. Kien hemm ukoll uffiċjali tal-LESA u ta’ Transport Malta biex jikkordinaw it-traffiku.
F’mument minnhom inqala’ l-paniku minħabba d-djar u l-iskola, tant li nġabru diversi qraba tar-residenti u ommijiet tal-istudenti li kienu mħassbin dwar l-għeżież tagħhom.
Minn informazzjoni, li ksibna minn fuq il-post, jidher li n-nar wasal lejn xi djar u r-residenti ta’ erbat idjar partikolari kellhom jitilgħu fuq il-bjut bħala prekawzjoni, għax ma kellhomx aċċess għal barra.
Dawn kienu assistiti mill-pumpieri, li kkalmawhom u ggwidawhom bl-aħjar mod. B’xorti tajba, ħadd ma weġġa’ f’dan il-każ.