Fl-okkażjoni tal-Jum Dinji għall-Ikel, fil-Parlament Malti, ġiet xprunata diskussjoni, dwar l-ikel fl-intier tiegħu.
Din id-diskussjoni, ħadet xejriet differenti, hekk kif ġew diskussi diversi temi, fosthom proġetti għal aktar sostenibilità fis-settur, il-produzzjoni lokali, u anke l-importanza tal-ilma.
Numru ta’ kelliema, elenkaw l-importanza tal-effiċjenza tal-ilma, sabiex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista tal-ikel u l-produzzjoni lokali.
Appellaw ukoll għal aktar proġetti sostenibbli, kif ukoll aktar kollaborazzjoni mal-istakeholders.
F’din l-attività, ipparteċipaw ukoll sensiela ta’ kelliema barranin, minn diversi organizzazzjonijiet Ewropej.
Id-diskussjoni serviet ukoll bħala opportunità sabiex issir promozzjoni għall-produzzjonijiet lokali, kif ukoll ħidmet il-bdiewa u s-sajjieda lokali.
Intqal kif il-jum dinji li jfakkar l-ikel madwar id-dinja, imur lil hinn mis-suġġett tal-ikel, hekk kif isir appell ukoll għal aktar protezzjoni favur l-ambjent.
L-ilma ġie deskritt bħala essenzjali, tant li għandu jiġi żgurat li kulħadd ikollu aċċess ugwali għalih, hekk kif dan huwa dritt fundamentali.
Intqal kif is-sors tal-ilma, għandu jiġi diversifikat, anke permezz tal-implimentazzjoni ta’ inizjattivi bħar-River Basin Management.
Intant, ONE News, tkellem mal-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Maltija għall-Ikel, Brian Vella, li spjegalna l-importanza ta’ dan il-jum u din l-attività, anke fid-dawl ta’ ħidmet l-Aġenzija.
“Illum hija ġurnata storika, li ġejna hawnhekk ġewwa l-binja tal-Parlament, biex flimkien mal-Istakeholders ewlenin tagħna, dawk kollha li naħdmu flimkien, li niċċelebraw dan il-jum, li fl-aħħar mill-aħħar huwa importanti, hekk kif mill-1945, ilu jiċċelebrat mill-FAO. Dak li qegħdin nagħmlu hawnhekk ġol-Parlament, proprju biex nagħtu sinjal, tal-importanza li rridu nagħtu lill-ilma u l-ikel, biex nimxu mat-tema wkoll u għalhekk, m’hemmx post aħjar minn hawnhekk, l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż, biex tiddiskuti u taqsam l-ideat ma’ dawk involuti, biex fl-aħħar mill-aħħar, l-ikel u l-ilma, ngħolluhom ‘il fuq, fl-aġenda tal-pajjiż.”
Preżenti għal din is-seduta, kien hemm fost l-oħrajn, il-Ministru għall-Agirkoltura, Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali u s-Segretarju Parlamentari fi ħdan l-istess Ministeru, Alicia Bugeja Said.