Żewġ subien instabu midfunin ħajjin f’ċimiterju li jinsab f’Solna, post li jinsab fin-naħa ta’ Fuq ta’ Stokkolma. Qed ikun irrapportat li qabel indifnu dawn is-subien ġew stuprati u ttorturati. Dan il-każ qed ikun deskritt bħala: “lejl ta’ terrur.”
Is-subien instabu minn persuna li kienet għaddejja f’dawn l-inħawi. Il-midja Żvediża qed tirrapporta li dawn iż-żewġ subien inħatfu, insterqu, sawtuhom u anke stuprawhom. Ir-rapporti fil-midja Żvediża sostnew li s-subien kienu sfurzati mill-aggressuri, biex jinżgħu ħwejjiġhom u jintefgħu fil-qabar sabiex jidfnuhom.
L-età ta’ dawn iż-żewġ subien għadha mhix magħrufa, iżda jidher li għandhom taħt il-15-il sena.
Il-Pulizija Żvediża stqarret li ż-żewġ vittmi qegħdin jirrispondu u jikkoperaw magħha. Qalet ukoll li b’rabta ma’ dan il-każ ġew arrestati żewġ ġuvintur wieħed ta’ 18-il sena u l-ieħor ta’ 21 sena.
S’issa għadu mhux magħruf x’kien il-mottiv li wassal għal din l-aggressjoni. Iżda l-Pulzija Żvediża temmen li l-aggressuri pruvaw ibiegħu d-drogi lill-vittmi, imma dawn sfaw aggrediti minħabba li baqgħu jirrifjutaw li jieħdu d-drogi.