Uġigħ ta’ ras fil-pajjiż ġar tagħna l-Italja, hekk kif tħabbar li t-tariffi tal-enerġija se jkunu qed jiżdiedu b’4.3%. Se jiżdiedu b’1.9% wkoll il-prezzijiet tal-gass, bl-aħbar tqanqal reazzjoni negattiva tal-organizazzjonijiet tal-konsumatur, fosthom il-Federconsumatori u UNC.
Dawn qalu li ż-żieda ma kinetx mistennija jew ġustifikata u l-awtoritajiet u l-gvern ma jistgħux joqgħodu ċassi quddiem sitwazzjoni bħal din. L-awtorità tal-enerġija ddefendiet il-pożizzjoni tagħhha billi qalet li minkejja din iż-żieda, l-familji xorta se jkunu qed jiffrankaw meta jikkunsidraw is-sena sħiħa mqabbla mas-sena ta qabel.
Qiegħed ikun irrapportat ukoll li waħda mir-raġunijiet għaliex żdied il-prezz kien il-fatt li fit-tieni kwart tas-sena żdied il-prezz tal-materja prima u ż-żieda biex ikun hemm id-distribuzzjoni tal-elettriku u l-manutenzjoni.
Filwaqt li ftit bogħod minn Malta kien hemm din iż-żieda, l-prezz f’Malta baqa’ stabbli minħabba ftehimiet li laħaq il-gvern, anke b’rabta mal-proġett il-ġdid tal-enerġija.
Din hi politika li twassal għal stabbiltà anke meta f’pajjiżi oħra l-prezz jiżdied, kif qed jiġri fl-Italja.
Fil-fatt, fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Eworpea, il-prezz tal-elettriku żdied bi 2.4% bejn it-tieni nofs tal-2014 u t-tieni nofs tal-2015.
Grazzi għall-miżuri li ħa dan il-Gvern, dan ma jistax jingħad għal pajjiżna. Infatti Malta rreġistrat ir-raba’ l-inqas prezz tal-elettriku fost 28 pajjiż. Wara snin jaraw żieda wara żieda, il-kontijiet tad-dawl u l-ilma raħsu bi 25% għal familji fl-2014, u fl-2015 raħsu għall-industrija.