Dawk li jinqabdu jagħmlu dikjarazzjonijiet foloz jistgħu jeħlu sentenza ta’ tliet xhur ħabs jew multa.
Apparti projbizzjoni tal-ivjaġġar, l-Italja ħadet miżuri oħra fosthom li ristoranti u stabbilmenti oħra jiftħu bejn is-sitta ta’ filgħodu u s-6:00 ta’ filgħaxija u jridu jiggarantixxu minn tal-inqas metru spazju bejn persuna u oħra.
Intant l-Awstrija ħabbret li qed tibrojbixxi Taljani milli jidħlu fil-pajjiż jekk mhux għal raġunijiet ta’ saħħa.
Il-Kanċillier Awstrijakk Sebastian Kurz qal li ċ-ċittadini Awstrijaċi li se jirritornaw mill-Italja jridu jagħmlu kwarantina ta’ ħmistax-il jum. L-Awstrija s’issa kkonfermat 158 każ tal-coronavirus.
Il-logħba futbol bejn il-Manchester United u l-LASK Linz fl-Awstrija li se tintlagħab nhar il-Ħamis li ġej se tintlagħab b’bibien magħluqa.
Intant il-konsulent mediku ewlieni tal-Gvern Ingliż, il-Professur Chris Whitty ikkonferma li miet is-sitt persuna Ingliż infettat bil-coronavirus.
L-aħħar vittma kien anzjan ta’ 80 sena li kellu mard kroniku.
U fiċ-Ċina, il-President Ċiniż, Xi Jinping żar il-belt ta’ Wuhan, iċ-ċentru minn fejn bdiet it-tifqigħa tal-coronavirus, fejn hemm qal illi l-Gvern għandu s-sitwazzjoni taħt kontroll.
Iż-żjara tal-President Ċiniż saret fil-jum li fih iċ-Ċina rreġistrat l-inqas rata ta’ infezzjonijiet, fejn matul il-jum tat-Tlieta ġew irraportati 19-il każ ġdid biss.