Fl-Italja, l-epiċentru preżenti tal-Coronavirus, in-numru ta’ mwiet żdiedu wara jiem fejn bdiet dieħla t-tama għaliex l-imwiet bdew jonqsu.
F’jum wieħed miet 743 ruħ, biex il-każijiet fil-pajjiż telgħu għal kważi 70,000.
Fi Spanja mietu ftit aktar minn 500 ruħ, l-agħar jum għal dan il-pajjiż waqt l-imxija tal-Coronavirus.
Intant l-Olimpjadi ta’ Tokjo ġew posposti għas-sena d-dieħla minħabba l-imxija tal-Coronavirus. L-aħħar darba li l-Olimpjadi ma kinux saru kien fi żmien it-tieni gwerra dinjija.
Fir-Renju Unit il-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson ħabbar miżuri drastiċi fosthom lock-down parzjali kontra l-imxija tal-Coronavirus.
F’indirizz lin-nazzjon, Johnson appella biex kulħadd jibqa’ f’daru u ma joħroġx għalxjen.
Intant is-Sindku ta’ Londra qal li jekk pajjiżu ma jridx li jmutu iżjed nies għandhom jieqfu s-servizzi tat-trasport fosthom tal-underground.
Fil-pajjiż in-numru tal-mejta laħaq l-422 hekk kif f’jum wieħed mietu 87 ruħ iżjed mill-jum ta’ qabel.
Fl-Awstralja, il-Prim Ministru Scott Morrison ħabbar li se jingħalqu l-ħwienet mhux essenzjali bħal ħwienet tax-xorb, stabbilimenti tad-divertiment, gyms, swali taċ-ċinema u postijiet tat-talb.
Intant fl-aħħar sigħat fl-Indja tħabbar lockdown totali hekk kif il-pajjiż qed isibha diffiċli biex jikkontrolla l-imxija ta’ dan il-virus.
Fiċ-Ċina, wara xahrejn, fil-belt ta’ Wuhan tħabbar li se jieqaf il-lockdown fit-8 ta’ April.
Minn din il-belt oriġina l-coronavirus minn fejn infirex madwar id-dinja.