Il-monumenti u l-attrazzjonijiet ewlenin madwar l-Italja ntfew bħala protesta mill-awtoritajiet muniċipali kontra ż-żieda fil-kontijiet tal-elettriku.
Il-midja internazzjonali qed tirrapporta kif il-kontijiet għall-Kunsilli Lokali mistennija jogħlew b’€550 miljun.
Fost l-awtoritajiet li pparteċipaw f’din il-protesta kien hemm is-Sindku ta’ Ruma Robert Gualtieri, li fi stqarrija qal kif din iż-żieda fil-kontijiet hija ta’ piż kbir għalihom u fl-istess ħin tpoġġi lill-familji f’diffikultajiet serji.
Ma’ Ruma ngħaqdu wkoll l-awtoritajiet minn Firenze, Milan, Turin, Bolonja u Pisa, li lkoll tfew l-attrazzjonijiet ewlenin f’dawn iż-żoni għal ftit sigħat.
Il-Prim Ministru Taljan Mario Draghi diġà wiegħed li se jagħti €5.5 billjun f’għajnuna lill-familji u negozji madwar l-Italja sabiex itaffilhom mill-piżijiet tal-kontijiet tal-elettriku u anke tal-gass.
Intant, studju uffiċjali juri wkoll kif din iż-żieda se tiswa’ lill-pajjiż Taljan madwar €35 billjun aktar fl-2022.