Fl-Italja rekord ta’ mwiet minn mindu fil-pajjiż feġġ l-ewwel każ tal-Coronavirus.
Fl-aħħar 24 siegħa mietu 969 ruħ biex issa n-numru tal-mejta tela’ għal aktar minn disa’ t’elef persuna.
Fir-Renju Unit, 181 ruħ tilfu ħajjithom fl-aħħar sigħat biex in-numru tal-persuni mejta li kienu infettati bil-virus issa tela’ għal 759.
Intant fost dawk infettati fl-Ingilterra hemm il-Prim Ministru tal-pajjiż Boris Johnson. Dan kien ikkonfermat minn kelliem għall-uffiċċju tiegħu f’Downing Street f’Londra, li qal li Johnson għandu sintomi ħfief u se jkun qed jiżola lilu nnifsu. “Johnson xorta se jibqa’ jmexxi l-Gvern f’dan il-mument ta’ kriżi għar-Renju Unit”, qalet l-istqarrija mill-uffiċċju tal-Prim Ministru.
Il-Palazz ta’ Buckingham ikkonferma wkoll li r-Reġina Eliżabetta t-Tieni qed issegwi l-pariri tal-awtoritajiet tas-saħħa minħabba li hija ltaqgħet l-aħħar mal-Prim Ministru Johnson fil-11 ta’ Marzu.
Spanja wkoll rat żieda fl-ammont ta’ mwiet, minkejja li r-rata ta’ infezzjoni issa tidher li hija stabbli. Issa hemm aktar minn 64,000 każ ta’ Coronavirus ikkonfermat, u fl-aħħar 24 siegħa mietu 769 persuna kawża tiegħu.
Intant, b’total ta’ 85,500 każ ikkonfermat, l-Istati Uniti issa għandha aktar każijiet ikkonfermati ta’ Coronavirus miċ-Ċina u l-Italja. Fl-istess ħin in-numru ta’ mwiet b’rabta mal-Coronavirus fl-Amerika hija ta’ ftit anqas minn 1,300.
Il-President Amerikan Donald Trump ħareġ jgħid li hemm ħafna rispett bejnu u bejn il-President Ċiniż Xi Jinping, li f’telefonata tard il-Ħamis iddiskutew il-qagħda globali ta’ bħalissa.
Intant b’dawn l-aħħar ċifri, issa hawn nofs miljun persuna fid-dinja infettati bil-Coronavirus.