Ebda żblokk dwar Gvern ġdid Taljan, wara li l-Moviment Populist Cinque Stelle temm id-diskussjonijiet dwar possibilità ta’ tmexxija mal-partit ċentru xellugi – u sostna li Giuseppe Conte għandu jibqa’ Prim Ministru.
Jekk iċ-Cinque Stelle ma jirnexxilux jilħaq ftehim mal-Partit Demokratiku, il-President Sergio Mattarella jħabbar Gvern temporanju u jsejjaħ elezzjoni ġenerali bikrija.
Iż-żewġ partiti ilhom għaddejjin b’diskussjonijiet mindu Conte rriżenja minn Prim Ministru l-ġimgħa l-oħra.
Deċiżjoni li ħa wara li Matteo Salvini mexxa mozzjoni ta’ sfiduċja kontrih.
Intant, il-President Mattarella estenda l-perjodu sal-Erbgħa filgħodu biex possibilment, il-Partiti fl-Italja jaslu għal qbil dwar Gvern ġdid Taljan.